​“Vjaġġ bejn l-Imrieħel u l-Mosta f’nofs il-ħin” – Ian Borg

bypass

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar investiment ta’ €55 miljun bl-isem ta’ Central Link Project li se jinkludi titjib ta’ triq ta’ 4 kilometri biex tnaqqas bin-nofs il-ħin tat-traġitt bejn l-Imrieħel u l-Mosta. 
Il-Ministru Borg spjega li din iż-żona kuljum tara mat-30,000 vettura u l-proġett se jġib miegħu tnaqqis fl-emissjonijiet tal-vetturi. 
Dan il-proġett li se  jitlesta fuq sentejn, se jtejjeb ir-rotta bejn il-bypass tal-Imrieħel fid-direzzjoni lejn Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, u jibqa’ sejjer sar-roundabout tat-Telgħa tas-Saqqajja, li tgħaqqad flimkien lil Ta’ Qali, Ħ’Attard, ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta. 
Spjega li dan se jsir permezz ta’ disinn mill-ġdid ta’ 13-il ħolqa u t-twessigħ ta’ toroq li s-soltu jwaħħlu t-traffiku. 
Il-Ministru għat-Trasport semma kif taħt l-uċuħ tat-toroq, se jkun hemm sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita bi tliet ġibjuni kbar, kif ukoll networks ġodda taħt l-art għas-servizzi tal-ilma, l-elettriku u tat-telekomunikazzjoni. 
Sostna li din ir-rotta arterjali ġdida se telimina wkoll it-traffiku li jinġema’ fi Triq in-Nutar Zarb f’Ħ’Attard. 
Il-Ministru Borg fakkar li Central Link Project se jkun żviluppat minn Infrastructure Malta, l-aġenzija l-ġdida li qed titwaqqaf mill-Ministeru. Dan il-proġett jista’ jkun kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.