Vjaġġ Appostoliku fit-Tajlandja u l-Ġappun

Il-Papa Franġisku meta laqa' l-istedina tal-Ambaxxatriċi tat-Tajlandja għall-Vatikan biex iżur pajjiżha

Bejn id-19 u s-26 ta’ Novembru, il-Papa Franġisku se jagħmel Vjaġġ Appostoliku ieħor din id-darba fit-Tajlandja u l-Ġappun.

L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qal fi stqarrija qasira li l-Qdusija Tiegħu l-Papa fuq stedina tal-Gvern tat-Tajlandja u tal-Isqfijiet ta’ dak il-pajjiż, se jkun f’dak il-pajjiż bejn l-20 u t-23 tax-xahar id-dieħel.

Il-Papa laqa’ wkoll stedina tal-Gvern u l-Episkopat tal-Ġappun, Papa Franġisku mit-Tajlandja se jibqa’ sejjer fil-Ġappun u jkun hemm bejn it-23 u s-26 ta’ Novembru. Fil-Ġappun il-Papa se jżur il-kapitali Tokyo u l-bliet ta’ Nagasaki u Hiroshima.

Għalkemm dettalji ta’ dan il-vjaġġ mistennija jitħabbru aktar tard, il-Vatikan ta’ dettalji tal-logo u t-temi ta’ dan il-vjaġġ.

Tajlandja

It-tema tal-vjaġġ fit-Tajlandja se tkun: “Dixxipli ta’ Kristu – Dixxipli Missjunarji”. Din iż-żjara trid tikkommemora t-350 anniversarju mit-twaqqif tal-Missjoni ta’ Siam. Il-Kattoliċi fil-pajjiż huma magħquda biex jirtu għall-ġenerazzjoni żagħżugħa il-vjaġġ tal-Knisja fil-proklamazzjoni tal-Aħbar it-Tajba.

Fil-logo hemm Salib bi tliet qlugħ li jirrappreżentaw it-Trinità Qaddisa li tmexxi l-missjunarji fil-Missjoni ta’ Siam. Il-pruwwa tad-dgħajsa tfakkar kliem Kristu “Morru fid-dinja u xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”. Il-Knisja fit-Tajlandja trid tagħti xhieda tal-Aħbar it-Tajba. L-id tal-Madonna ipproteġiet lill-missjunarji fil-passat u tkompli tipproteġi l-Knisja llum. Il-proklamazzjoni tal-Aħbar it-Tajba hi bażata fuq il-Kelma t’Alla.

Ġappun

It-tema tal-vjaġġ tal-Papa Franġisku fil-Ġappun hi “Nipproteġu kull Ħajja”. Din hi meħuda mit-“Talba għad-Dinja Tagħna” li hemm fl-aħħar tal-Enċiklika ‘Laudato si’.

Kull wieħed u waħda minnha ingħata l-ħajja fuq xhiha ta’ Alla u miexi lejn id-dar eterna tagħna man-nies l-opra kollha. Din id-dinja hi maħluqa u miżmuma minn Alla “biex ngħixu fiha”.

Għalhekk, biex nipproteġu kull ħajja irridu nirrispettaw mhux biss id-dinjità ta’ kull persuna, imma wkoll l-ambjent.

Madankollu, id-dinja bħala d-“Dar Komuni Tagħna” bħalissa qed titgħaffeġ mill-bniedem u qed tokrob bl-uġiegħ. Dan il-krib jingħaqad mal-inkwiet tal-persuni kollha li huma abbandunati madwar id-dinja.

Fil-Ġappun illum ukoll hemm diversi problem relatati mal-ħajja u l-paċi, barra l-problemi tal-ekonomija, l-ambjent u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien.  Barra minn hekk, l-irkupru mid-diżastri naturali u l-inċidenti tal-impjanti nukleari għadhom problema persistenti.

Il-Knisja fil-Ġappun qed tagħmel kull sforz biex tipproteġi l-ħajja u twieġeb għad-diversi problem marbuta mal-ħajja umana. It-tema taż-żjara tal-Papa f’dan il-pajjiż tesprimi d-determinazzjoni tal-Knisja li tipproklama l-Evanġelju tal-ħajja li tagħna Kristu, titlob u taħdem għall-paċi ta’ Kristu.