Viżas Alġerini: L-Awditur Ġenerali jgħid li l-verifika kienet “inqas rigoruża”

L-Awditur Ġenerali qal li s-sistema li ntużat mill-Konslu Ġenerali Malti fl-Alġerija biex jinħarġu viżas lil ċittadini ta’ dan il-pajjiż “irriżultat f’sistema ta’ verifika ta’ applikanti inqas rigoruża minn dik mistennija”. Intqal li l-Konslu Malti qal li dan seħħ minħabba nuqqas ta’ riżorsi.

Dan ħareġ minn rapport ta’ aktar minn 80 paġna ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) wara li f’Novembru 2015, il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ħruġ ta’ viżas mill-Konsulat Malti f’Alġeri bejn Marzu 2014 u Settembru 2015.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet talbet lill-Awditur jinvestiga, fost l-oħrajn, kif inħarġu l-viżas, u jekk il-Prim Ministru, il-Gvern jew il-Pulizija kienux jafu bl-allegat abbuż kif ukoll jekk Malta mxietx mal-obbligi internazzjonali tagħha fil-ħruġ tal-viżas.

L-Oppożizzjoni titlob investigazzjoni dwar il-ħruġ ta’ viżas mill-Alġerija

L-Awditur stabbilixxa li l-Gvern kien konxju mill-allegazzjonijiet li saru fir-rigward tal-Konsulat. Dan l-Uffiċċju qies l-azzjoni meħuda mill-Gvern bħala xierqa, hekk kif ġie sġjegat li l-Konslu u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin infurmaw lill-Pulizija bl-allegati irregolaritajiet.

Robert Falzon, li kien il-Konslu Malti f’Alġeri, huwa l-kuġin ta’ missier il-Prim Ministru Joseph Muscat, kien tneħħa mill-irwol diplomatiku tiegħu tliet ġimgħat qabel l-Oppożizzjoni kienet ħarġet l-allegazzjonijiet fuq il-missjoni diplomatika fl-Alġerija.

Fir-rapport, l-NAO wera ruħu li huwa tal-opinjoni li l-post minn fejn kien jopera l-Konsulat iffaċilita li jsiru aktar minn dawn l-allegazzjonijiet. Intqal li l-fatt li l-Konsulat kien jaħdem mill-istess bini tal-VFS, il-fornitur estern għas-servizzi tal-Konsulat, ċajpar id-distinzjoni bejn it-tnejn mill-perspettiva tal-applikanti.

Jgħid ukoll li fatturi oħra li aggravaw is-sitwazzjoni kienu d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom applikanti prospettivi meta ppruvaw jiskedaw appuntamenti mal-VFS.

L-Awditur Ġenerali qal li l-impedimenti fil-lingwa kompla jikkumplika s-sitwazzjoni.

Il-Gvern se janalizza r-rapport “fid-dettal”

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi stqarrija qal li ħa nota tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar ‘Investigazzjoni ta’ viżi maħruġa mill-Konsulat Malti f’Alġeri’ u se janalizza dan ir-rapport fid-dettall biex ikun jista’ jasal għal azzjonijiet u għal reazzjonijiet aktar dettaljati dwar il-kontenut tal-investigazzjoni. Innota wkoll tal-konklużjoni tal-Awditur li qieset l-azzjoni tal-gvern fir-rigward tal-allegazzjonijiet bħala waħda xierqa.

Ir-rapport sħiħ jinsab hawnhekk: