Viva t-traffiku dan il-weekend!

Jekk illejla jew għada filgħaxija kont bi ħsiebek tidħol il-Belt bil-karozza, naħseb ikun aħjar taħsibha darbtejn!
Mil-lum sal-Ħadd, fil-Belt, il-Furjana u l-Msida se jkunu qed jiġu organizzati erba' attivitajiet li jiġbdu l-massa.
Illejla fuq il-Fosos se jkun hemm il-kunċert annwali ta’ Joseph Calleja, li bħal kull sena jattendu għalih mijiet ta’ Maltin u barranin.  Minħabba kwistjonijiet loġistiċi, it-toroq ta' madwar il-Fosos, fosthom Triq Sarria se jibqgħu magħluqa sa għada.
Illejla wkoll imma fil-ġnien ta’ Hastings il-Belt Valletta, se jibda l-festival tal-inbid li mbagħad se jispiċċa nhar il-Ħadd.
Illum jaħbat ukoll it-tieni jum tal-Jazz Festival li qed isir fejn hemm il-pixkerija.
Ma nistgħux ninsew lill-Misidjani li din il-ġimgħa qed jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp u se jkun hemm it-triq tal-knisja magħluqa.  U bħal kull festa oħra, jkun hemm il-logħob tan-nar, li bħal dejjem, il-Misidjani jtellgħuh minn maġenb  Triq Reġjonali.
Minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, Triq Reġjonali, bejn Santa Venera u Tal-Qroqq, se tkun magħluqa għat-traffiku.  Is-sewwieqa huma ħeġġa jgħaddu minn toroq alternattivi.
Minħabba l-kunċert ta’ Calleja, is-servizz tat-trasport pubblikku se jibqa’ jaħdem sas-1.30 ta’ filgħodu.
Għall-attivitajiet l-oħra, is-servizz se jkun qed jaħdem skont l-iskeda tas-sajf.