Vittmi tal-COVID-19 qed jitpoġġew f’borża minħabba riskji – Fearne

funerali1 Covid-19
Ray Busuttil / Facebook

Read in English.

Il-persuni li jmutu bil-coronavirus qegħdin jitpoġġew ġo borża ssiġillata sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni.

Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament, hu u jwieġeb serje ta’ mistoqsijiet li għamel il-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia fuq il-coronavirus.

Dr Fearne spjega li l-qraba ta’ dawn il-vittmi għandhom aċċess limitat għall-pazjenti li jkunu qed jirċievu t-trattament. Huma jitħallew iċemplu lill-pazjenti u lit-tobba.

Meta jmutu nies li jkollhom il-coronavirus, dawn jitqiegħdu ġo double body bag sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni. Permezz tal-użu ta’ double body bag, il-qraba jkunu jistgħu jagħmlu funeral. F’każ li l-pazjent issirlu l-griżma tal-morda, isiru arranġamenti speċjali biex il-qraba jkunu jistgħu jżuru l-pazjent fl-aħħar ħin ta’ ħajtu.

Ilbieraħ filgħaxija tħabbru erba’ mwiet ġodda bil-coronavirus, biex issa t-total ta’ persuni li mietu bil-virus f’Malta huwa 69.

Dwar id-drittijiet tal-pazjenti u l-awtopsji

Dawk li jkollhom il-coronavirus ma jitħallewx joħorġu mill-kamra u ma jistgħux isirulhom viżti minn qrabathom, spjega l-Ministru, ħalli jkun hemm inqas riskju. Il-pazjenti li jixtiequ li ssirilhom il-griżma tal-morda, din issirilhom skont kif mixtieq.

Mistoqsi wkoll fuq l-awtopsji, Dr Fearne qal li dawn qed isiru fuq nies li jkollhom il-coronavirus l-istess kif isiru fuq min ma jkollux il-virus.

Din il-ġimgħa, il-Ministru għas-Saħħa kkonferma li mill-64 persuna li mietu meta kellhom il-virus sa dakinhar, kienu mietu 47 bil-coronavirus bħala l-kawża ewlenija għall-mewt tagħhom.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-eks Supretendent tas-Saħħa Ray Busuttil ikkummenta fuq kemm hija degradanti u ta’ diżrispett li dawk li jġorru t-tebut ta’ min imut bil-coronavirus qegħdin jilbsu lbies protettiv. Huwa ddeskriva dan bħala ħafna ċerimonji bla bżonn.