Vittmi ta’ stupru jipparteċipaw fi sfilata tal-moda b’differenza

Qabel ir-restrizzjonijiet tal-CoVid-19, f’Varsavja ġiet organizzata sfilata tal-moda b’differenza – il-mudelli li ħadu sehem libsu l-ħwejjeġ li kienu libsin meta ġew stuprati. 

L-għażla ta’ ħwejjeġ kienet varjata – ilbiesi, jeans, kowtijiet ħoxnin, ħwejjeġ tal-irqad u anke lbies tat-tfal – milbusa min-nisa ġejjin minn madwar il-Polonja kollha.

L-organizzaturi rreklamaw l-attività bħala waħda fejn “il-mudelli” kienu se jilbsu l-aktar ħwejjeġ “provokanti u sexy” – b’referenza siekta għall-fatt li dawn il-ħwejjeġ intużaw bħala ġustifikazzjoni għalfejn in-nisa kienu ġew stuprati.

Notes from Poland irrapportaw li l-attività kienet maħsuba bħala risposta għal dikjarazzjonijiet li l-ilbies tan-nisa jista’ jipprovoka vjolenza sesswali, u għall-idea li l-vittmi huma “mistennija li jibqgħu siekta, jistaħbew u jisparixxu”.

Din l-isfilata ġiet organizzata mill-assoċjazzjoni Forget-me-not (Niezapominajki), organizzazzjoni li tipprovdi appoġġ lil dawk li jkunu għaddew minn vjolenza sesswali.  

“Ridna li nuru kemm din it-teorija hija assurda, għax l-ilbies ma jipprovoka lil ħadd,” qal kelliem għall-assoċjazzjoniForget-me-not. Aħna “Ħloqna l-attività għal kull min qata’ qalbu, min tilef it-tama u min tilef saħħtu – sabiex nuru li m’intomx waħedkom.”