Vittmi ta’ reati kriminali se jingħataw għajnuna immedjata

Vittmi ta’ reati kriminali se jingħataw l-ewwel għajnuna b’mod immedjat ħalli titnaqqsilhom it-trawma tar-reat u tal-proċedura legali.
Dan hekk kif twaqqfet it-Taqsima ta’ Appoġġ għall-Vittmi ta’ reati kriminali fil-Korp tal-Pulizija.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela spjega li kif il-vittma tagħmel rapport fl-għassa tal-pulizija, il-vittma se tkun qed tingħata l-għażla jekk tkunx tixtieq li tiġi riferuta għall-Victim Support Unit.
Ladarba l-persuna taqbel, il-pulizija se jkun qed jagħmel kuntatt mat-Taqsima biex jgħaddi d-dettalji lill-uffiċjal tat-Taqsima ħalli jsir appuntament separat mal-vittma.
Barra minn hekk, il-Ministru semma li fl-għases tal-pulizija se jitqassmu fuljetti li se jkun hemm fihom uħud mid-drittjiet tal-vittma, fosthom, informazzjoni dwar servizzi ta’ appoġġ kif ukoll dwar l-investigazzjoni tal-pulizija.
It-Taqsima, li se tkun immexxija mill-Ispettur Sylvana Gafà, se tkun mgħammra b’uffiċċju apposta li se jkun attrezzat b’mod li l-vittmi jħossuhom komdi.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut