Abbuż Ċilì: “Il-Papa qalli li ma jimpurtax li tkun gay” – wieħed mill-vittmi

sex_abuse

Wieħed mill-vittmi tal-abbuż sesswali minn saċerdot fiċ-Ċilì qal li fil-laqgħa li kellu mal-Papa Franġisku, dan qallu li “ma jimpurtax li hu gay”.
Juan Carlos Cruz, wieħed mill-vittmi li ltaqa’ mal-Papa x-xahar li għadda qal li f'din il-laqgħa, il-Papa Franġisku qallu “Alla ħalqek hekk u jħobbok kif int u għalija ma jimpurtax li int gay. Il-Papa jħobbok kif int u għandek tkun ferħan b’dak li int.”
Cruz qal dan f’intervista mal-ġurnal Spanjol El Pais. Hu kien mistoqsi jekk tkellimx mal-Papa dwar il-fatt li hu omosesswali u jekk ħassux imbarazzat jagħmel dan. “Kienu qalulu li jien pervert. Jien spjegajt lill-Papa li miniex San Alwiġi Gonzaga, iżda miniex bniedem ħażin u nipprova ma nweġġa’ lil ħadd.”
Fuq Twitter, Juan Cruz tkellem dwar il-laqgħa tiegħu mal-Papa u ddeskrivieha bħala “xi ħaġa li se nibqa’ niftakar huma sigħat li domt nitkellem mal-Papa Franġisku.”
“Il-frażi li qalli: Min jien jien biex niġġudika? Esperjenzajtha personalment u nittama li ħafna jħossu li ħadd mhu eskluż jew għandu jkun eskluż… qatt!”
Fil-laqgħa tkellmu wkoll dwar il-fidi. “Kienu qalulu li jien ma nemminx u li kont għadu tal-Knisja. Jien għedtlu li kont irrabjat għal dak li qalulu dwari għax jien għadni nemmen, inħobb il-Knisja u naħseb li s-sitwazzjoni tista’ tinbidel. Il-fidi hi ferm importanti għalija u ħadtha bi kbira li ppruvaw ikissruni b’dan il-mod. Għal dan il-Papa qallu li din kienet “ħaġa ħażina ħafna”.
Cruz kien rappurtat li qal lill-Papa li jista’ jkollu “Pontifikat spettakolari jekk jaqbad il-barri minn qrunu u jibgħat messaġġ qawwi kontra dawn l-abbużi u jgħid li ma kienx se jittollerahom aktar” u għal dan il-Papa Franġisku qallu “Għini biex l-Ispirtu s-Santu jiggwidani biex nagħraf sew x’għandi nagħmel”.