Vittma li għonqha ġie mħanxar se tingħata ċans titkellem fil-Qorti

Il-Qorti ssospendiet każ li fih l-akkużat ammetta li ħanxar għonq mara meta kien qed jipprova jisraqha. Il-każ ġie sospiż sakemm ma l-vittma tgħid x’tixtieq li jsir hi.

Dan il-każ qed jiġi kkunsidrat bħala x’aktarx l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu. L-Imħallef Giovanni Grixti ħa din id-deċiżjoni taħt l-Att tal-Vittmi ta’ Kriminalità.

Il-każ imur lura għal Awwissu tal-2016, meta l-akkużat avviċina lill-vittma minn Marsaxlokk u lill-ħabiba tagħha ta’ 33 sena mill-Polonja fi Sqaq Lourdes f’San Ġiljan u pprova jisraq il-basktijiet tagħhom. Ir-raġel ħareġ sikkina u pprova jħanxar għonq il-mara Maltija qabel ma ħarab bil-basket tagħha.

Il-vittmi kienu ngħataw l-ewwel għajnuna minn xi nies li kienu għaddejjin li ċemplu ambulanza. Il-Maltija ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn ingħatat trattament għall-ġrieħi serji li sofriet, iżda ma kinitx fil-periklu li titlef ħajjitha.

Din ma kinitx l-ewwel darba li r-raġel ġie akkużat b’serq aggravat bi vjolenza. Fl-2016 kien ingħata sentenza ta’ sena u nofs ħabs għal serqa vjolenti oħra li wettaq fuq żagħżugħ.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih kienet għalqet, u huwa wieġeb ħati llum quddiem il-Qorti Kriminali, biex ikollu ftehim mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Iżda minflok ma l-każ mexa mill-ewwel għall-ġudizzju, il-Qorti ddeċidiet li l-ewwel tinnotifika lill-vittma. Dan id-dritt jagħti lill-vittma ċ-ċans li tingħata informazzjoni fuq il-proċeduri u li tgħid tagħha.

L-Att ġie introdott fl-2015 u emendat fl-2018. Dan jintitola lill-vittmi ta’ reat kriminali għal għajnuna legali b’xejn.