Vitals: Repubblika tistaqsi jekk il-Prim Imħallef għandux jipproċedi kontra l-Imħallef Grixti

Repubblika trid li jiġi rikonoxxut li l-Imħallef Grixti żbalja meta rrifjuta li ssir investigazzjoni

Repubblika u l-Avukat Andrew Borg Cardona kitbu lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex jiġbdulhom l-attenzjoni għall-konklużjoni tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet u t-trasferiment lill-Vitals Global Healthcare. Dan sar b’rabta ma’ lment li kienu għamlu f’Ottubru tal-2019 kontra l-Imħallef Giovanni Grixti li fi stadju t’appell ħassar ordni ta’ Maġistrat li laqgħet talba ta’ Repubblika biex issir inkjesta kriminali dwar din il-privatizzazzjoni.

L-Imħallef Giovanni Grixti kien qal li minħabba li Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna kienu għadhom jitqiesu innoċenti, ma kellhiex issir investigazzjoni fuq il-fatti li ressqet lill-Qorti Repubblika. L-Imħallef Grixti kien qal li Repubblika ressqet informazzjoni li kienet ippubblikata fil-midja u minħabba f’hekk, skreditaha. Iżda issa s-sitwazzjoni nbidlet billi r-rapport kundannanti tal-Awditur Ġenerali kkonferma l-akkużi li għamlet Repubblika li l-kuntratt mal-VGH kien maħdum qabel ħareġ it-tender, illi t-termini tal-kuntratt kienu miftiehma biex tirbaħ żgur il-VGH.

Fl-istqarrija tagħha tal-lum, Repubblika qalet li l-eks Ministru Konrad Mizzi għalhekk hu responsabbli ta’ dawn il-manuvri skont l-Awditur Ġenerali u kif allegat fil-qorti hi stess.
“Bl-aġir tiegħu l-Imħallef Giovanni Grixti pproteġa l-impunità ta’ Konrad Mizzi. Fl-istess ħin, kompla d-dewmien li bdiet il-Pulizija meta ma investigatx l-informazzjoni li ħarġet bl-investigazzjonijiet ġurnalistiċi ta’ Daphne Caruana Galizia, tat-Times of Malta, ta’ The Shift News u ta’ oħrajn. Biex issa nirrealizzaw li evidenza importanti t’aġir kriminali – bħal pereżempju l-Memorandum of Understanding mal-VGH iffirmat qabel biss ħareġ it-tender – laħqet inħbiet.”

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-ġimgħa li għaddiet li l-memorandum ma setax jinstab. Huwa lbieraħ qal li ta ċans sal-bieraħ stess sabiex dan jinstab, iżda għadha ma ħarġet l-ebda stqarrija pubblika dwaru. F’kummenti lil Newsbook.com.mt ilbieraħ, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li m’għandux idea fejn jinstab dan il-memorandum, imma li hemm ħafna x’jingħad fuq dan il-każ.

Skont Repubblika, id-dewmien biex tiġi applikata l-liġi huwa “kollaborazzjoni mal-kriminali biex jeqirdu l-provi li l-istat għandu bżonn biex iwassalhom għall-ġustizzja.” L-inkjesta maġisterjali fuq dan il-każ għadha għaddejja.

B’reazzjoni għall-istqarrija tal-Gvern li kulħadd ħa li ħaqqu f’dan il-każ meta Konrad Mizzi tneħħa mill-Grupp Parlamentari Laburista, Repubblika qalet li dak kien biss il-bidu, peress li s-sejbiet tal-Awditur Ġenerali jikkonfermaw “korruzzjoni li jrid jingħata kont tagħha fil-Qorti Kriminali.” L-NGO ssoktat tgħid li kull min kien f’pożizzjoni li jinforza l-liġi jrid jerfa’ r-responsabbiltà.