“Vitali li Vitals jiġu investigati fil-plenarja u mill-Awditur Ġenerali” – PD

Il-Partit Demokratiku qal li jaqbel mal-Gvern li l-ftehim tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet għandu jkun diskuss f’sessjoni plenarja fil-Parlament filwaqt li taqbel mal-Partit Nazzjonalista meta jgħid li l-investigazzjonijiet li għandhom isiru mill-Awditur Ġenerali. Qal ukoll li dan il-bejgħ huwa mod ta’ kif il-Gvern m’għandux jimxi bih fil-koċessjonijiet li jagħti.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku talab lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex juża s-setgħat mogħtija lilu mill-kostituzzjoni biex jinvestiga bis-sħiħ il-kuntratt bejn Vitals u l-Gvern ta' Malta għal diversi raġunijiet.
Kompla billi qal li huwa evidenti li Vitals ma rrispettawx il-ftehim u naqsu milli jissodisfaw l-iskadenzi stabbiliti filwaqt li qalu li l-gvern messu ħa f'idejh kwalunkwe profitt magħmul fil-bejgħ tal-konċessjoni. Għandna nkunu nafu għaliex dan ma kienx il-każ.
Il-PD semma’ wkoll il-bejgħ tal-kontenut kollu tal-isptarijiet li sar għal €1.
Spjega kif il-bejgħ tal-assi għal unità monetarja waħda hija prattika komuni meta kumpanija falluta li tkun se tiġi xolta tinbiegħ lil xerrej ieħor. Iżda f’dan il-każ, il-PD jistaqsi kif la d-Dipartiment tas-Saħħa u lanqas il-Gvern mhumiex falluti kif seta’ jsir dan minn wara dhaar il-poplu.
Sostnew li l-Vitals ma investewx ċenteżmu tal-flus tagħhom biex ittejjbu l-faċilitajiet mogħtija lilhom. Għalhekk saħqu li huwa evidenti li l-flus li ntefqu mill-fondi tal-Gvern ġew riċiklati u ġew imħallsa lilha għas-servizzi li kellha jew li kienet maħsuba li tagħmel.
Il-Gvern u l-Oppożizzjoni mhux jaqblu dwar fejn se jiddiskutu b’mod immedjat, bil-Partit Nazzjonalista jagħmel talba biex jiġi diskuss fil-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa, filwaqt li l-Gvern ppropona li d-diskussjoni ssir fil-plenarja tal-Parlament biex “tingħata l-importanza li jixirqilha”.