Visa umanitarja għall-immigranti biex jitnaqqsu l-imwiet fil-Mediterran

Il-pajjiżi tal-UE se jkunu f’pożizzjoni li joħorġu Visas Umanitarji fl-ambaxxati u l-konsolati sabiex dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni, ikunu jistgħu jaċċessaw l-Ewropa mingħajr ma jirriskjaw ħajjithom.

Il-Parlament Ewropew jemmen li bil-ħruġ tal-Visas Umanitarji, għandhom jonsqu l-għadd ta’ mwiet ta’ immigranti fil-Mediterran.

Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea intalbet toħroġ bi proposta għal Visa Umanitarja fit-territorju Ewropew li toħroġ għall-istat membru tal-UE, bil-għan li tkun tista’ ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

Jidher li mad-90% ta’ dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea, jaslu bħala immigranti irregolari. Dan wassal biex mat-30,000 persuna tilfu ħajjithom fit-tentattiv tagħhom biex jilħqu l-Ewropa f’dawn l-aħħar 18-il sena. Din il-proposta kisbet il-vot favur ta’ 429 MEP, il-vot kontra ta’ 194 MEP, filwaqt li 41 MEP astjenew.

Diversi MEPs sostnew li minkejja t-talbiet għal vjaġġi siguri għal dawk li qed ifittxu ażil fl-Ewropa, l-UE m’għandhiex uniformità fil-proċeduri ta’ kif jiġu aċċettat immigranti irregolari.

Ir-riżoluzzjoni tagħmilha ċara li dawk li jingħataw din il-Visa Umanitarja jridu jagħtu prova ċara li qed jiġu persegwitati u se jkunu suġġetti għal proċess ta’ screening biex ma jkun hemm l-ebda kompromess fuq is-sigurtà.

Il-proposta tal-liġi għandha tiġi preżentata sal-aħħar ta’ Marzu li ġej.

Intant għaddiet il-liġi li ġiet innegozjata mill-MEP Laburista Miriam Dalli li permezz tagħha aktar minn €500 miljun se jintużaw fil-qasam tal-migrazzjoni fis-sentejn li ġejjin.