Visa Europe tisponsorja l-Eurovision Song Contest

Il-Eurovision Song Contest 2016 qiegħed magħna u waqt li bosta fans tal-Eurovision Maltin jinsabu ħerqana għal-lejl tal-14 ta’ Mejju, Visa Europe se tissieħeb ukoll f’dawn il-festi bħala Partner Uffiċjali ta’ dan l-avveniment. Visa se tkun il-partner preferut għal din l-okkażjoni li se ssir fi Stokkolma.
Visa se toħloq esperjenza contactless għall-ħlasijiet tal-udjenza li se jattendu s-semi finali u l-finali tal-konkors kif ukoll għall-viżitaturi fil-Villaġġ tal-Eurovision f’Kungsträdgården fi Stokkolma. Għalkemm is-sistema tal-ħlas contactless għadha ma waslitx f’Malta‚ il-ħlasijiet contactless qed isiru aktar komuni madwar l-Ewropa bħala mod ta’ malajr‚ faċli u sigur kif wieħed jixtri. L-apparat contactless għandu ġo fih antenna li meta tintmiss ma’ contactless terminal‚ informazzjoni sigura tax-xiri tmur u tgħaddi mit-terminal.
Il-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena jimmarka l-61 anniversarju ta’ minn meta sar l-ewwel konkors fl-1956 u għandu jkun l-akbar avveniment li qatt sar s’issa fejn hu mistenni li jilħaq il-200 miljun telespettatur mid-dinja kollha.
Din hi s-sena hi d-29 darba li Malta tkun qed tieħu sehem fil-konkors. L-avveniment ta’ din is-sena jiftaħ bis-semi finali fl-10 u fit-12 ta’ Mejju bil-finali jittella’ fl-14 ta’ Mejju fil-Globe Arena fi Stokkolma. Malta se tkun rappreżentata din is-sena minn Ira Losco bil-kanzunetta “Walk on Water”.