Viruses li ilhom fostna

Il-Malti jgħid li bla flus, la tgħannaq u lanqas tbus! Però ġie l-Covid19, flus kelli, u ma stajt nagħmel l-ebda waħda minnhom xorta waħda!

Dal-Coronavirus ġie u bħal donnu sejjer, imma hawn viruses oħra fostna li forsi ma konniex nagħtuhom l-attenzjoni li ħaqqhom, bħall-virus tal-kilba għax-xogħol u l-flus. Qabel semmejt il-qawl Malti li bla flus la tgħannaq u lanqas tbus, u nemmen li tassew hekk hu – apparti li jekk tkun broke veru diffiċli tħajjar lil xi ħadd joħroġ miegħek. Imma jien nemmen li hemm iktar verità f’dak il-qawl.

Lil xiex tagħti prijorità?

Kemm-il darba tisma’ b’nies li jagħtu prijorità lil xogħolhom, aktar minn kollox u minn kulħadd? Kemm-il darba tisma’ b’xi ħadd li telqitu l-partner għax jippreferi jdaħħal shift overtime milli jqatta’ naqra iktar ħin magħha? Jew dawk it-tfal li dejjem għand in-nanna għax il-ġenituri jdumu iktar milli suppost fuq il-post tax-xogħol biex ilaħħqu mal-kontijiet tad-dar mifnija gadgets u prodotti jlellxu? Sitwazzjonijiet li ċert li smajna ħafna bħalhom; kważi kważi nazzarda ngħid li sirna nikkunsidrawhom bħala normali. Imma l-fatt li nikkunsidrawhom normali jfisser li kollox sew?

Personalment, dawn l-aħħar ftit xhur tawni ċ-ċans nagħti ħarsa lejn ħajti minn lenti ftit differenti minn tas-soltu. Ix-xogħol huwa importanti, u ma rridx nagħti x’nifhem li huwa żejjed, anzi! Min-naħa l-oħra, waqt li kont ninsab id-dar, għaddej minn Zoom call għal oħra, għaddieli ħsieb partikolari li baqa’ f’moħħi.

X’kont qed nimmissja?

Kont qed nimmissja niltaqa’ ma sħabi, nilgħab logħba futbol jew immur xi party tajjeb. Imma kont qed nimmissja sempliċi tgħanniqa, dik il-parlata fit-tard ma’ persuna li nafda. Kollox kien jinħass inuman, u nnutajt li qabel ġara dan kollu seta’ kien hemm mumenti meta ma gawdejtx il-mumenti li kelli ma’ oħrajn għax għażilt li nagħti prijorità lix-xogħol jew lill-flus.

Illum nispera li dan il-ħsieb jibqa’ miegħek ukoll. Tħallix li dan iż-żmien jgħaddi u jibqa’ kollox l-istess. Jalla dejjem tiftakar li biex tinvesti f’relazzjonijiet b’saħħithom ma’ ta’ madwarek ma tistax tħallas bil-flus. Forsi bis-saħħa tal-Coronavirus nitgħallmu li għall-imħabba, ir-rispett u l-apprezzament, ma hemmx prezz… fl-aħħar!

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Lulju Cover