Vince Muscat iltaqa’ mal-akkużat ftit jiem qabel ma’ sparalu

Ir-raġel li kien qala’ żewġ tiri f’rasu f’Apirl li għadda, fil-Qorti staqsa direttament lir-raġel li huwa akkużat li spara t-tiri u staqsieh għalfejn għamel dak li għamel.
Vince Muscat għajjat dawn il-mistoqsijiet filwaqt li minn quddiemu għadda Jonathan Pace, l-akkużat.
Bit-tiri li qala’, Muscat kien sofra ġrieħi fil-parti ta’ fuq ta’ moħħu. Muscat huwa magħruf aħjar bħala l-Koħħu u huwa wieħed mill-akkużati li seraq mill-bank HSBC.
Vince Muscat irrakonta kif dakinhar li seħħ il-każ, hu kien qed jipparkja l-vann tiegħu quddiem id-dar.
L-akkużat, saq sa fejn Muscat, ħareġ mill-karozza u beda jispara tiri lejn Muscat.  
Muscat saħaq li minkejja l-ġrieħi li ġarrab, xorta waħda rnexxilu jsuq sal-għassa tal-pulizija.
Wara, huwa nżamm l-isptar fejn għamel numru ta’ operazzjonijiet.
Waqt eżaminazzjoni oħra, Muscat qal li hu kien ħabib tal-akkużat u li ftit jiem qabel, it-tnejn li huma kienu qed jieħdu tazza te’ flimkien.