“Vince għandu jingħata l-maħfra mhux Melvin” – mart il-Koħħu

Read in English.

Il-mara ta’ Vince Muscat, wieħed mit-tliet akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed tgħid li “hija inġustizzja li Melvin Theuma (li qed jitqies bħala s-sensar fil-każ) se jixhed kontra Vince, meta kien Vince li qal lill-Pulizija dwaru”.  Żiedet tgħid li “Vince għandu jingħata l-maħfra, mhux Melvin”.

Dan ġie rrappurtat mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, li qed tgħid li din hi l-ewwel darba li Pauline Muscat, mart Vince, tkellmet pubblikament.

Theuma ġie arrestat fl-14 ta’ Novembru li għadda bħala parti minn investigazzjoni oħra dwar logħob tal-azzard. Wara l-arrest, huwa offra li jagħti informazzjoni dwar l-investigazzjoni ta’ Daphne u pprovda evidenza li dan wassal għall-arrest ta’ Yorgen Fenech, sitt ijiem wara.