Vince Gaffarena ma tħalliex jixhed fuq il-qtil ta’ kuġinuh għax kellu d-deni

Vince Saviour Gaffarena Mqabba Ħal Millieri

Read in English.

Illum kellu jixhed Vince Gaffarena, iż-żagħżugħ li sofra ġrieħi ta’ sparatura fl-istess lejl li l-istess żewġ persuni allegatament sparaw u qatlu lil kuġinuh Saviour Gaffarena quddiem għajnejh. Madankollu, Gaffarena ma tħalliex jixhed għax hu u dieħel il-qorti, instab li kellu d-deni.

Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena ntlaqat minn tir f’wiċċu fid-29 ta’ Lulju. Kuġinuh Saviour kellu 27 sena, u miet fuq il-post.

Huwa ma tħalliex jidħol il-qorti peress li kellu t-temperatura għolja. Skont il-miżuri tas-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika, min ikollu temperatura għolja żżejjed, ma jistax jidħol fil-bini minħabba l-coronavirus.

Fil-każ qegħdin jitressqu żewġ żgħażagħ ta’ 18-il sena, akkużati bil-qtil ta’ Saviour u bl-attentat ta’ qtil ta’ Vince. Il-każ hu presedut mill-Maġistrat Nadine Lia.

Fost ix-xhieda tal-lum kien hemm l-Ispettur Keith Arnaud li qal lill-Qorti li l-akkużati allegaw li ż-żewġ vittmi kienu qegħdin jieħdu d-droga meta qam argument bejniethom. It-tabib tal-emerġenza Dr Jonathan Joslin qal lill-Qorti li Vince Gaffarena ma setax jitkellem għal żmien twil għax qala’ tir f’ħalqu.

Meta l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra kellmu lil Vince Gaffarena l-isptar, hu qalilhom li kien qed isuq u f’daqqa waħda wieħed mill-akkużati wrieh arma li kellu fuqu. Imbagħad bdew jargumentaw imma ma jafx fuqiex. Lill-pulizija qalilhom li l-akkużat kien jinbidel totalment meta jieħu d-drogi.

Il-każ se jkompli jinstema’ bħal-lum ġimgħa.