Villaġġ Taljan jilqa’ l-ewwel tarbija wara 28 sena

Villaġġ żgħir fit-tramuntana tal-Italja laqa’ l-ewwel tarbija tiegħu wara 28 sena.
Pablo, li twieled ġimgħa ilu, hu l-iżgħar residenti ta’ Ostana fir-reġjun ta’ Piedmont. Meta l-ġenituri tiegħu ħaduh id-dar mill-isptar fejn twieled f’Turin, ir-residenti l-oħra ċċelebraw bil-kbir il-wasla tiegħu.
F’Ostana jgħixu biss 85 persuna.
Is-sindku tal-villaġġ, Giacomo Lombardo, qal li “Għall-ewwel ma stajtx nemmen li vera. L-aħbar kważi xxukkjatni. Hi ħolma ssir realtà.”
Peress li hi biss madwar nofs il-popolazzjoni li tgħix f’Ostana s-sena kollha, Pablo u l-familja tiegħu jikkostitwixxu madwar 10% tar-residenti permanenti tal-villaġġ.