Villa Sant’Injazju: L-ebda passi kontra ċ-Ċermen tal-Awtorità

Il-Gvern mhu qed jikkunsidra l-ebda passi dixxiplinari jew azzjonijiet simili fil-konfront taċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg wara li l-Qorti Ċivili kkritikat l-operat tiegħu dwar Villa Sant’Injazju f'San Ġiljan u qalet li wera nuqqas ta’ sensittività, naqas milli jaġġixxi u allegatament indaħal fl-infurzar.
Dan qalu l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg f’risposta għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Karol Aquilina.
It-twaqqigħ ta’ parti minn villa tas-seklu 19 f’San Ġiljan qajmet kontroversja sħiħa minħabba li din tifforma parti minn binja akbar li serviet bħala l-ewwel Kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Malta. Il-binja tissemma f’dokumenti li jmorru lura sal-1839 bħala binja importanti.
Il-Ministru Ian Borg qal li l-Qorti ma tasal għall-ebda konferma ta’ indħil u skont hu, tirreferi biss għal ‘nuqqas apparetni’ u ‘allegat indħil’.
Fil-Parlament ġew ippubblikati wkoll il-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Eżekuttiv, li skont il-Ministru, dawn juru biċ-ċar li l-aġir tal-Awtorità f’dan il-każ kien intenzjonat li jneħħi il-periklu kif iddikjarat minn diversi Periti.
Il-Ministru temm jgħid li l-proċeduri tal-Qorti għadhom għaddejjin fil-każ ta’ uffiċjal ieħor tal-Awtorità msemmi fl-istess sentenza, iżda fil-preżent ma hemmx lok tal-ebda azzjoni kontra ċ-Ċermen.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) kienet qalet li dak li sar f’Villa Sant’Injazju huwa ġenn li se jkompli jħarbat saħansitra dak li jagħti lill-Maltin l-identità tagħhom.