Villa Sant’Injazju: L-Awtorità tal-Ippjanar u l-Periti jiftħu l-kanuni għal xulxin

Kompliet il-kontroversja dwar ix-xogħlijiet li saru fl-aħħar jiem fuq Villa Sant’Injazju f'San Ġiljan
Villa Sant’Injazju, li tinsab fi Triq Scicluna, tifforma parti minn binja akbar li serviet bħala l-ewwel Kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Malta, liema binja tissemma f’dokumenti li jmorru lura sal-1839 bħala binja importanti.
Il-Kamra tal-Periti qed tigdeb – PA
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-akkużat lill-Kamra tal-Periti bi stqarrijiet foloz u nofs veritajiet.
Wara li saru x-xogħlijiet, il-Kamra tal-Periti insistiet li dawn marru lilhinn minn dak li kien ġie deċiż fil-Qorti.
Iżda fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar baqgħet tinsisti li x-xogħlijiet kollha li saru fuq il-Villa ġew ordnati mill-Qorti f’Ġunju li għadda.
L-Awtorità tal-Ippjanar saħqet li l-pedamenti tal-villa kienu fi stat ħażin ħafna u kien hemm il-periklu li jaqgħu partijiet mill-binja.
Saħqet li dan kollu huwa mniżżel isfel fuq l-abjad f’rapport li sar li minn esperti li fi kliemha jsemmi ħsarat estensivi fuq il-parti ta’ wara tal-binja.
L-Awtorità qalet li għamiltha ċara li l-parti ta’ quddiem tal-villa, li tinkludi t-torri tal-arloġġ, ma għandhiex titmiss.
Temmet tisħaq li jekk il-Kamra tal-Periti trid tkun kredibbli, għandha tieħu azzjoni kontra periti responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet.
"Ippubblika r-rapport" – Il-Periti lill-PA
Immedjata kienet ir-risposta tal-Kamra tal-Periti li appellat lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tippubblika r-rapport li semmiet fl-istqarrija tagħha.
Il-Periti qalu li fl-ewwel stqarrija tagħhom huma ppubblikaw id-dokumenti kollha li jippruvaw l-argumenti tagħhom, fosthom dokumenti uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Sejħet lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tikkonferma li x-xogħlijiet li qed isiru ma jaffettwawx l-integrità ta’ din il-binja storika, kif fi kliemha ġara mill-binja tas-Sea Malta.
Baqgħet tinsisti li x-xogħlijiet marru lilhinn mid-deċiżjoni tal-Qorti u l-Awtorità tal-Ippjanar kellha tieħu passi biex dan ma jseħħx.
Il-Kamra tal-Periti temmet tisħaq li hi se tibqa’ timmoniterja l-aġir professjonali tal-memtri tagħha u tinvestiga fejn neċċessarju.
Ix-xogħlijiet li saru fl-aħħar jiem (ara l-filmat hawn) ġabu l-kundanna ta’ ħafna fosthom tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) li ddeskrivithom bħala ġenn li se jkompli jħarbat saħansitra dak li jagħti lill-Maltin l-identità tagħhom.