Villa Leoni mhux se tinbidel f’lukanda ta’ 7 sulari

Google Maps

Villa Leoni, binja skedata li tinsab f’San Ġiljan, mhux se tkun qed tinbidel f’lukanda ta’ seba’ sulari wara li l-applikazzjoni biex dan isir ġiet rifjutata mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA).

Villa Leoni hija skedata fi Grade 2 u tinsab fiż-Żona tal-Konservazzjoni Urbana. Kien propost li l-villa tinbidel f’lukanda li kien se jkollha seba’ sulari fuq in-naħa ta’ Telgħet Birkirkara u sitt sulari fuq in-naħa ta’ Triq il-Kbira.

Is-Sovratendenza għall-Wirt Kulturali qalet li l-proposta ma kinetx kompatibbli mal-valur tal-wirt kulturali tal-Villa. Il-case officer tal-PA kien irrakkomanda li l-applikazzjoni tiġi rifjutata.

Il-Perit tal-proġett Edwin Mintoff qal li l-villa kienet se tibqa’ prattikament l-istess.

L-applikazzjoni ġiet rifjutata b’għaxar voti kontra tnejn.