Villa Frere isserraħ ras l-Akkademja tal-Malti

Is-sidien ta’ Villa Frere serrħu ras l-Akkademja tal-Malti li dan is-sit bi storja arkitettonika u lingwistika mhux se jiġi mittiefes minħabba xogħlijiet li jistgħu jibdew biex tinbena dar tal-anzjani.
Aktar kmieni dil-ġimgħa l-Akkademja tal-Malta wriet it-tħassib serju tagħha li jintilef dak li sejħitlu “patrimonju lingwistiku” minħabba proposta riċenti li żewġ vilel f’Tal-Pietà jinbidlu f’dar tal-anzjani, waħda minnhom Villa Frere.
L-Akkademja tispjega kif Mikiel Anton Vassalli, missier l-ilsien Malti, sab ħafna għajnuna minn John Hookham Frere, li kien il-President tal-Kunsill tal-Università u bis-saħħa tiegħu sar l-ewwel Professur tal-Malti fl-Università.
Iżda s-sidien tal-villa rrimarkaw fi stqarrija li l-binja mhux sippost tintmess għax ma taqax fiż-żona li trid tinbena d-dar tal-anzjani, jekk il-proċess jibqa’ għaddej.
Semmew kif hija l-binja ta’ ħdejha, il-Ġardin Zammitello, li se jintmess.
Madankollu, tkompli l-istqarrija, is-sidien se jagħmlu minn kollox sabiex l-impatt fuq il-villa jkun mill-inqas. Fil-fatt diġà bdew taħditiet mal-entitajiet ikkonċernati.
Ritratt: Friends of Villa Frere (Facebook)