Villa f’Birkirkara se tinbidel fi skola tal-mużika għal tfal bl-awtiżmu

Investiment fir-rinovar ta’ Villa Bianca f’Birkirkara se jwassal sabiex l-iskola tinbidel fi skola tal-mużika għal tfal bl-awtiżmu b’diżabbilità.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali kien spjegat kif il-Ministru Roderick Galdes, flimkien mal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation ħabbar li l-gvern se jkun qed jiffinanzja dan ix-xogħol ta’ rinovar.

Il-Ministru Roderick Galdes spjega li din il-villa ngħatat b’donazzjoni lil Malta Trust Foundation, u permezz tal-fondi allokati mill-iskema għall-persuni b’diżabbiltà li tħaddem l-Awtorità tad-Djar, se jsirulha x-xogħlijiet neċessarji biex toffri l-ambjent meħtieġ lil dawn it-tfal u żgħażagħ.

“Din il-villa li ninsabu fiha se tiġi mibdula f’ambjent speċifiku li jħares lejn il-bżonnijiet partikolari tal-benefiċjarji. Meta qed ngħid speċifiku, qed nirreferi għad-dettall liema bħalu li qegħdin nidħlu fih. Mill-kulur użat għall-ħitan sa kif se nibdlu l-ispazju miftuħ biex jaħseb fis-sigurtà tat-tfal u żgħażagħ li se jitgħallmu l-mużika fiha. Kien ikun faċli kieku wieħed jagħmel biss ix-xogħol ta’ tiswija li huwa meħtieġ f’din il-villa, iżda bħalma anke qegħdin nagħmlu fi proġetti ta’ housing speċjalizzat flimkien ma’ numru ta’ NGOs, qegħdin naħsbu fil-bżonn tal-persuni li se jagħmlu użu mid-djar sa mill-bidu,” qal Galdes.

Fi stqarrija kien spjegat li l-għalliema tal-mużika li se joffru s-servizz tagħhom f’din l-iskola se jiġu mħarrġa mill-iskola tal-mużika Resonaari bbażata fil-Finlandja, li se jgħaddu l-aqwa prattiċi lil Malta.

Marie-Louise Coleiro Preca, iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, saħqet li, “l-Iskola tal-Mużika Villa Bianca se tagħti għajnuna lil ħafna tfal u żgħażagħ b’abilitajiet differenti biex jiksbu żvilupp aħjar.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay fakkar fid-differenza li qiegħda tagħmel l-iskema għal persuni b’diżabbiltà. “B’din l-iskema diġà biddilna l-ħajja ta’ madwar 900 familja, minn tfal b’diżabbiltà għal anzjani, din l-iskema qiegħda tibdel dak li kien finanzjarjament impossibbli għal dawn il-persuni għal realtà ġdida li tippermettilhom jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom.”

McKay ikkonkluda jgħid li din l-iskema issa qed tagħmel ukoll id-differenza fil-ħajja ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ li mingħajr dan l-investiment ma kienx ikollhom skola tal-mużika ddisinjata għall-bżonnijiet tagħhom.