
Read in English.
L-istat Awstraljan ta’ Victoria ddikjara stat ta’ diżastru u impona miżuri ġodda ta’ lockdown wara żieda qawwija fl-infezzjonijiet tal-coronavirus. L-istess stat ilu fi stat ta’ emerġenza mis-16 ta’ Marzu li għadda.
Bir-regoli l-ġodda, ir-residenti ta’ Melbourne, il-kapitali tal-istat, ma jistgħux joħorġu mid-dar bejn it-8pm u l-5am. Se jkun hemm ukoll aktar restrizzjonijiet fuq kemm-il resident jista’ joħroġ mid-dar.
Fost regoli oħra, ir-residenti ta’ Victoria jistgħu joħorġu mid-dar darba biss fil-ġurnata jew biex jagħmlu x-xirja jew għall-eżerċizzju, b’dan l-eżerċizzju jista’ jsir biss sa 5km ‘il bogħod mid-dar.
Illum Victoria rrappurtat 671 każ ġdid ta’ coronavirus u seba’ każijiet ta’ imwiet. It-total ta’ infezzjonijiet huwa ta’ 11,557 infezzjoni u 123 imwiet. Mill-bidu tal-pandemija, fl-Awstralja kollha ġew irreġistrati total ta’ 18,000 infezzjoni u 200 imwiet.
Ħafna mill-infezzjonijiet il-ġodda fil-pajjiż fl-aħħar ġimgħat ġew reġistrati f’Victoria, li huwa t-tieni l-aktar stat popolat fl-Awstralja. Dan wassal biex l-awtoritajiet jerġgħu jimponu restrizzjonijiet ta’ lockdown.
Il-Ħadd il-Premier ta’ Victoria, Daniel Andrews qal li l-miżuri kienu qed jaħdmu iżda dan kien bil-mod wisq. Waqt li indirizza lill-ġurnalisti huwa qal li l-awtoritajiet iridu jkunu aktar drastiċi għax spjega li dan huwa l-uniku mod kif jingħeleb il-virus. Fl-istess laqgħa mal-ġurnalisti, Andrews qal li r-regoli l-ġodda jibqgħu fis-seħħ minn tal-inqas sat-13 ta’ Settembru li ġej.