Victoria Buttigieg tintgħażel bħala l-Avukat Ġenerali l-ġdid

Aġġornat 07:47 AM

Read in English.

Dr Victoria Buttigieg intgħażlet bħala l-Avukat Ġenerali l-ġdid ta’ Malta. Dan wara li l-Avukat Ġenerali preċedenti, Dr Peter Grech, temm mill-kariga li okkupa għal dawn l-aħħar għaxar snin.

Din hija l-ewwel darba li qed jinħatar Avukat Ġenerali ġdid wara s-separazzjoni tal-istess uffiċċju lura f’Diċembru li għadda, meta Dr Buttigieg kienet intgħażlet bħala l-ewwel Avukat tal-Istat ta’ Malta.

L-Avukat Ġenerali l-ġdid qed jinħatar wara sejħa pubblika u ntgħażel minn Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti komposta minn tliet imħallfin irtirati. Il-Prim Ministru Robert Abela rċieva r-rakkomandazzjoni mill-istess Kummissjoni u filwaqt li ġiet aċċettata, il-Prim Ministru informa lill-President ta’ Malta biex issir il-ħatra.

Dr Buttigieg se tħalli l-kariga tagħha bħala Avukat tal-Istat, kariga li ilha tokkua minn Diċembru li għadda, biex issir l-ewwel Avukat Ġenerali mara f’Malta.

Min hi Victoria Buttigieg?

Dr Victoria Buttigieg, li għandha 43 sena, gradwat fil-Liġi mill-Università ta’ Malta fl-2001. Hi kompliet l-istudji tagħha fejn reġgħet gradwat bil-Masters fis-Servizzi Finanzjarji.

Fl-2007, bdiet taħdem mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fejn wara li kisbet l-esperjenza neċessarja, inħatret bħala Assistent Avukat Ġenerali. Ħadmet f’għadd ta’ oqsma differenti fil-litigazzjoni, fosthom iċ-ċivil, l-amministrattiv, u l-liġi kostituzzjonali, u anke rrappreżentat lill-Gvern f’għadd ta’ laqgħat u kumitati internazzjonali. Ikkontribwiet ukoll għal diversi proġetti ta’ riformi fil-liġi.

L-għażla ta’ Dr Buttigieg bħala Avukat Ġenerali ta’ Malta tħabbret illum, fl-aħħar jum ta’ Dr Peter Grech fil-kariga. Il-Gvern, waqt li rringrazzja lil Dr Peter Grech għas-servizz tiegħu tul dawn l-aħħar għaxar snin, awgura lil Dr Victoria Buttigieg kull suċċess f’din il-kariga.

Għadni kemm infurmajt lill-President tar-Repubblika li Dr Victoria Buttigieg intgħażlet bħala l-Avukat Ġenerali ġdid ta’…

Posted by Robert Abela on Tuesday, September 8, 2020

L-Oppożizzjoni tawgura lil Dr Buttigieg li twettaq xogħolha bla ma tħares lejn uċuħ

L-Oppożizzjoni awgurat lil Dr Victoria Buttigieg tal-ħatra, u “għax-xogħol iebes li għandha quddiemha sabiex terġa’ tistabbilixxi d-dinjità u r-rispett lejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, wara li dan l-uffiċċju spiċċa mtappan mill-predeċessur tagħha, li spiċċa pupazz f’idejn il-Gvern Laburista li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.”

L-Oppożizzjoni awguratilha li twettaq xogħolha bla biża’ u mingħajr ma tħares lejn uċuħ.

L-istqarrija ffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adian Delia tgħid li l-pass li jmiss huwa li l-Gvern jaċċetta l-proposta li ressqet l-Oppożizzjoni fir-riforma kostituzzjonali, li tiżgura li l-għażla tal-Avukat Ġenerali tibqa’ dejjem waħda imparzjali, awtonoma u indipendenti bil-liġi, billi l-Bord tal-Ħatra jkun wieħed indipendenti u mhux partiġġjan.