Victoria Buttigieg tinħatar l-ewwel Avukata tal-Istat

Dr Victoria Buttigieg inħatret uffiċjalment bħala l-ewwel Avukata tal-Istat.

Il-ħatra seħħet ilbieraħ wara li Buttigieg ġiet rakkomandata b’mod unanimu minn Kummissjoni ta’ Ħatra wara sejħa pubblika.

Dan l-irwol kostituzzjonali ġdid inħoloq bis-saħħa tal-Att XXV tal-2019, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Venezja s-sena li għaddiet, li jinqasmu l-irwoli tal-Avukat Ġenerali. Permezz ta’ din il-liġi, li ġiet approvata f’Lulju li għadda, hemm separazzjoni sħiħa bejn il-funzjonijiet doppji li għandu llum l-Avukat Ġenerali. 

Is-separazzjoni ta’ dawn l-irwoli tidħol fis-seħħ illum.

Waqt li l-Avukat Ġenerali se jżomm ir-responsabbiltajiet ta’ prosekuzzjoni u materji kriminali, l-Avukata tal-Istat se tibda tkun responsabbli għall-funzjonijiet kollha ta’ pariri lill-Gvern u rappreżentanza legali fl-oqsma tal-liġi kostituzzjonali, ċivili u amministrattiva li sal-lum kienu eżerċitati mill-Avukat Ġenerali.