Viċin li jintleħaq qbil fuq il-baġit Ewropew: Malta kif tista’ tiġi affetwata?

Wara diversi sigħat ta’ diskussjoni, il-mexxejja Ewropej jidhru li resqin għal ftehim fuq il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.

Il-baġit Ewropew għall-2014 sal-2020 jidher li se jkun bejn €900 biljun u €960 biljun. Dan ifisser tnaqqis ta’ €40 biljun meta kkumparat ma’ dak preżenti.

Malta tista tkun affettwata l-aktar mill-fondi ta’ koeżjoni u strutturali, li għalkemm baqgħu b’saħħithom irreġistraw tnaqqis ta’ €30 miljun.

Aħbar li tista titqies ħażina għal Malta hi t-tnaqqis drastiku propost fil-proġett ‘Connecting Europe’, li minnu Malta se tibbenefika bil-pipeline tal-gas.

Dan il-proġett se jkun allokat €29 biljun minflok €50 biljun. Minn dawn, huma biss €5 biljun dedikati lill-enerġija, bil-bqija jmorru għal proġetti ta’ trasport u infrastrutturi tal-internet.

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li jinsab fiduċjuż li Malta se tikseb pakkett finanzjarju tajjeb. Oriġinarjament Malta kienet eleġibbli għal €480 miljun imma qed timmira li żżidhom għal €680 miljun.

Madanakollu, għadu fi stadju bikri biex wieħed ikun jista jevalwa kif Malta se tkun affettwata minn dan il-baġit ġdid.

Jidher li l-iStati Membri ġodda, fosthom ir-Repubblika Ċeka, Bulgaria u Rumanija, mhumiex sodisfatti b’dawn l-arranġamenti. Dan b’mod speċjali għal mod kif ġie kkalkulat il-fond ta’ koeżjoni.

Bosta pajjiżi Ewropej speċjalment ir-Renju Unit u pajjiżi Nordiċi, iridu li tonqos in-nefqa, b’diversi pajjiżi oħra fosthom Franza u l-Italja ma jaqblux u jsostnu li għandu jkun hemm aktar fondi allokati għall-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi.