“Vetturi ta’ San Vinċenz jagħlqu l-entratura tal-Cat Cafè”

L-għaqda mhux governattiva Animal Guardians Malta qalet li quddiem il-Cat Cafè li qiegħed fl-art tal-Isptar ta’ San Vinċenz de Paul f’Ħal Luqa spiċċa bħala żona ta’ rimi ta’ kowċis u karozzi tal-isptar stess.

Fi stqarrija, l-għaqda qalet li wħud minn dawn il-vetturi li tħallew quddiem il-faċċata tal-Cat Cafè ilhom fl-istess post żmien twil, b’uħud minnhom tħallew b’panċer għal aktar min xahar. Dan qed iwassal biex joħloq inkonvenjent kbir hekk kif persuni b’siġġu tar-roti qed isibuha diffiċli biex jgħaddu minn bejn il-vetturi u jidħlu mill-bieb. Skont l-istqarrija, ir-residenti flimkien mal-familji tagħhom jieħdu gost ħafna jżuru l-Cat Cafè fejn ikunu jistgħu jinterattaw mal-qtates u jieħdu t-terapija.

Minħabba dan l-impediment, kellhom iħassru wkoll l-attività tal-Milied minħabba li ma hemmx biżżejjed spazju fejn wieħed jista’ jipparkja. Animal Guardians Malta qed jissuġġerixxu biex il-vetturi kollha jitressqu minn fejn qegħdin u jittieħdu fil-parkeġġ il-ġdid li qiegħed fuq in-naħa l-oħra tal-grawnd tal-futbol.