Vetturi b’emissjonijiet għolja għandhom jinstaqu biss fi tmiem il-ġimgħa

Vetturi b’emissjonijiet għolja se jkunu jistgħu jinstaqu fi tmiem il-ġimgħa u fil-vaganzi pubbliċi u nazzjonali.
Transport Malta se tkun qed tilqa’ applikazzjonijiet biex jiġu irreġistrati vetturi b’emissjonijiet għolja biex jiġi introdott kunċett fejn vetturi inkluż muturi b’emissjonijiet għolja ma jinstaqux matul il-ġimgħa u b’hekk jitnaqqas it-tniġġis fl-arja.
It-taxxa tar-reġistrazzjoni f’din l-iskema tammonta għall-40% tar-reġistrazzjoni normali filwaqt li l-liċenzja għandha titħallas b’mod sħiħ.
Il-pjanċi tar-reġistrazzjoni f’din l-iskema se jkunu bħas-sistema normali iżda b’kulur aħmar biex jintgħarfu mill-kumplament tal-vetturi l-oħra.
Transport Malta qalet li dawk li jużaw il-karozza f’okkażjonijiet u avvenimenti partikolari jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema ġdida.
Din il-miżura tapplika biss għall-vetturi M1 b’emissjonijiet ta’ CO2 ta’ 221g/km jew aktar u muturi b’magni ta’ 801cc jew aktar.
L-iskema  li hi parti mill-baġit 2015 hi miftuħa għall-vetturi ta’ mhux aktar minn tmien passiġġiera minbarra x-xufier kif ukoll muturi li jintużaw biss fi tmiem il-ġimgħa u fil-vaganzi.
Intqal li l-vetturi f’din l-iskema ġdida jkollhom jiġu ggaraxxjati u mhux se jitħallew jiġu ipparkjati f’toroq pubbliċi matul il-ġimgħa hekk kif imbagħad multi se jkunu qed japplikaw.