Vettura tinstaq fuq il-bajja ta’ Ramla l-Ħamra – ERA

Read in English.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li ġiet infurmata li vettura nstaqet fuq il-bajja ta’ Ramla l-Ħamra.

Fi stqarrija, l-awtorità qalet li l-Inħawi tar-Ramla huma ddikjarati bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali u bħala Żona Speċjali ta’ Protezzjoni skont kif ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern No.681 fil-5 ta’ Ġunju tal-2018.

L-awtorità insistiet li huwa pprojbit li wieħed isuq fuq il-bajja sakemm mhux għax għandu ġustifikazzjoni u permess li jawtorizzah jagħmel dan mill-ERA. Il-protezzjoni ta’ dawn is-siti important u l-biodiversità jibqgħu prijorità tal-awtorità. B’hekk, l-awtorità talbet l-għajnuna tal-Pulizija sabiex jiskattaw proċedimenti skont liġi tal-Flora, Fauna u l-Protezzjoni tal-Abitat Naturali tal-2006.

Kull min jixtieq jirrapporta xi incident lill-ERA jista’ jagħmel dan permezz ta’ telefonata fuq 2292 3500 jew inkella permezz ta’ e-mail fuq info@era.org.mt.