Vetrina ta’ arti lokali waqt iċ-Ċittadella Arts Festival

Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, qalet li ċ-Ċittadella Arts Festival se jservi bħala pjattaforma internazzjonali għat-talent lokali, hekk kif nediet l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-festival.
Iċ-Ċittadella Arts Festival se jsir għall-ewwel darba bħala parti mill-attivitajiet kulturali li jsiru f’Għawdex matul l-istaġun tas-sajf. Dan jikkumplimenta l-istaġun tal-festi f’Għawdex kif ukoll jistieden lill-Malti u lill-barranin iżuru lil din il-gżira.
Il-Ministru kompliet tgħid li l-festival se jseddaq il-prestiġju eżistenti li tgawdi minnu ċ-Ċittadella, billi jagħniha bid-diversi forom tal-arti, fosthom il-mużika u l-arti viżiva.
Fost l-oħrajn, se titfakkar il-ġrajja tal-1551, imlaqqma bħala “l-invażjoni ta’ Għawdex”, b’wirja ta’ xogħlijiet artistiċi marbutin mat-tema mill-Kavallier Għawdxi Pawlu Camilleri Cauchi, u l-interpretazzjoni ta’ Il-Ballata tal-Assedju tal-1551 mill-attur Mario Micallef, miktuba minn Ġianninu Cremona.
Il-Ministru ferħet lil dawk kollha li qed jaħdmu bis-sħiħ għal dan il-festival u awgurat kull suċċess lill-parteċipanti kollha.
Ritratt: MGOZ – Terry Camilleri