Veteran tal-Gwerra ta’ 89 sena jirbaħ il-Britain’s Got Talent; Giorgia Borg b’messaġġ ta’ awgurju

Ritratt: ITV

Illejla saru l-finali tal-Britain’s Got Talent. Ir-rebbieħ kien Colin Thackeray ta’ 89 sena. Dan il-veteran tal-Gwerra mhux talli ħa miegħu d-dar it-titlu ta’ rebbieħ ta’ din l-edizzjoni, iżda sar ukoll l-ikbar persuna li qatt rebaħ din il-kompetizzjoni.

Colin impressjona l-ġurija meta aktar kmieni fil-kompetizzjoni kien interpreta s-silta Wind Beneath My Wings. Huwa kien liebes l-uniformi ħamra tal-militar, l-istess uniformi li kellu fuqu meta rnexxielu jisraq il-qlub tal-pubbliku Ingliż meta nterpreta s-silta We’ll Meet Again ta’ Vera Lynn, u li kienet dedikata lil martu  Joan, li ritratti tagħha kienu fl-isfond waqt li kanta.

Iżda llejla l-anzjan, akkumpanjat miċ-Chelsea Pensioners, interpreta s-silta Love Changes Everything.

Illusionist X kiseb it-tieni post waqt li l-illużjonist Ben Hart ġie fit-tielet post.

Il-premju finali f’din il-kompetizzjoni kien ta’ £250,000  kif ukoll opportunità biex ir-rebbieħ jidher quddiem il-familja Rjali waqt The Royal Variety Performance, li jkollu udjenza ta’ miljuni ta’ telespettaturi.

Credit: ITVIl-messaġġi ta’ awgurju ma naqsux għal Colin Thackeray, iżda wieħed li spikka u li kiseb l-ammirazzjoni ta’ ħafna Maltin bla dubju kien dak ta’ Giorgia Borg, l-artista Maltija ta’ 10 snin li kienet kisbet il-Golden Buzzer mingħand Alesha Dixon f’April li għadda meta fl-istess kompetizzjoni nterpretat is-silta 10.

Nhar it-Tlieta li għadda, Borg reġgħet kienet fuq il-palk ta’ Britain’s Got Talent u nterpretat is-silta Be Free, li sfortunatament ma wasslithix għall-finali.

B’attitudni pożittiva għall-aħħar, Giorgia Borg baqgħet issegwi l-kompetizzjoni li hi ddeskriviet bħala memorabbli u anki rringrazzjat lil dawk li ferħulha, u llejla tellgħet messaġġ qasir u ħelu ta’ awgurju lir-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni ta’ Britain’s Got Talent.

Ritratt: Facebook