Veteran tal-gwerra jaħtaf tliet nisa u joqtolhom

Veteran tal-gwerra qatel tliet nisa f’Kalifornja, meta żammhom ostaġġi f’kumpless fejn jiltaqgħu persuni li jkunu servew fil-gwerra fil-passat.
Ir-raġel, li kien armat, hu mifhum li kien qed ibati minn diżordni trawmatika ta’ stress (PTSD) li ħafna ekssuldati jispiċċaw ibatu minnha wara l-ħruxija li jkunu raw.
Il-Pulizija f’Kalifornja għamlet sigħat twal tipprova tikkuntattja lir-raġel, iżda ma rnexxilhiex.
Aktar tard instab mejjet mal-iġsma tan-nisa fil-kamra fejn qatta’ l-aħħar sigħat ta’ ħajtu, anki wara li spara xi tiri lill-uffiċjali.
Is-Senatur tal-Istat ta’ Kalifornja, Bill Dodd, qal li r-raġel kien jieġu sehem fil-grupp Pathway Home, li fih kien hemm membri veterani tal-gwerra li jbatu mill-PTSD, u kienu jiltaqgħu f’dal-kumpless li kien jilqa’ mal-1,000 veteran.
It-tliet nisa kienu ħaddiema f’dan il-kumpless.
Dan il-qtil permezz ta’ sparatura seħħ xahar wara l-massakru fi Florida, meta żagħżugħ ta’ 19-il sena daħal jispara fi skola u qatel 17-il persuna, bejn għalliema u studenti.
Dan l-inċident kien qajjem ir-rabja ta’ ħafna nies u organizzazzjonijiet, li talbu biex ikun hemm liġijiet aktar stretti fl-Istati Uniti dwar iż-żamma tal-armi.
Jidher li l-qattiel daħal qisu mhux hu waqt festin li fih kien qed jiġi ċċelebrat it-tluq ta’ wieħed mill-ħaddiema tal-kumpless, u ddeċieda li jwettaq il-pjan li kellu.