Verżjoni ġdida tal-kanzunetta Dai Laga

Il-PBS għadu kemm żvela li ġiet sottomessa verżjoni ġdida tal-kanzunetta Dai Laga kantata minn Aidan u li ġiet magħżula mal-Finalisti tal-Malta Eurovision Song Contest 2018.
Il-verżjoni oriġinali tal-kanzunetta ħolqot diskussjoni kbira fil-ġranet li għaddew wara li fil-media internazzjonali u anke lokali dehru rapporti li l-kanzunetta kellha elementi ikkupjati minn kanzunetta ta’ Justin Bieber.
Wara li ħarġu dawn ir-rapporti, l-PBS ħa parir mill-EBU li hu l-organizzatur ewlieni tal-Eurovision Song Contest. Dan tal-aħħar ta’ parir lill-PBS li l-problema mhix fl-oriġinalita' tal-kanzunetta imma fl-arranġament.
Għaldaqstant, bi qbil u in regola mar-regoli oriġinali, il-PBS talab lill-kantant biex jissottometti l-istess kanzunetta iżda bl-arranġament differenti.
Il-kanzunetta ġiet sottomessa u issa tinsab mal-finalisti l-oħrajn tal-festival.
Il-Malta Eurovision Song Contest se jsir fit-3 ta’ Frar. Din is-sena se jieħdu sehem 16-il kanzunetta li minnhom waħda tikseb id-dritt li tirrappreżenta lil Malta fit-63 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se jsir f’Lisbona l-Portugall.
Ritratt u Filmati: PBS