Veru li wara l-Covid-19 lit-tfal taqbadhom il-kawasaki?

Dr Tanya Melillo, konsulent għas-Saħħa Pubblika fissret li l-kawasaki disease ma ġietx minħabba l-Covid-19.

Waqt Newsbook Q&A, Dr Melillo saħqet li din hi marda rari ħafna, u li ħarġet fi ftit każijiet f’ċertu pajjiżi. Sostniet li m’hemm l-ebda evidenza li turi li t-tfal li taqbadhom il-coronavirus ikollhom ukoll il-kawasaki disease.

Fl-istess waqt, Dr Melillo saħqet li jekk xi ħadd ikollu bżonn li jara tabib jew imur l-isptar, ma joqgħodx jaħsibha.

“M’hemmx għalfejn tibżgħu tmorru minħabba l-coronavirus”, wissiet il-konsulent filwaqt li rrimarkat li l-mard l-ieħor bħal meninġite u l-pulmonite xorta għadhom magħna. Fakkret li kull sena jkun hemm bejn żewġ u erba’ mwiet minħabba l-meninġite.

Il-marda tal-kawasaki tikkawża infjammazzjoni fid-demm, bl-ewwel sintomu jkun deni li ma jinżilx. Din il-kundizzjoni taffettwa l-aktar tfal li għandhom inqas minn 5 snin.

Rappurtaġġ Addizzjonali: Liz Cutajar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn