Veru li se jispiċċaw il-flus u minflok inħallsu bil-Bitcoin?

Minn ħin għall-ieħor qed tqum il-mistoqsija dwar il-famuża Bitcoin, terminu  li qed nisimgħu dwaru ta' spiss.

Waqt il-programm Ta’ Kulħadd ma’ Christine Delicata fuq RTK 103FM, fir-rokna tat-tagħrif finanzjarju qamet il-mistoqsija dwar jekk hux se jispiċċaw il-flus kontanti, dawk fil-forma ta’ karta jew muniti, u minflok hux se nibdew inħallsu bil-Bitcoin.
Din il-mistoqsija qamet fl-isfond ta’ diskussjoni li qajjem il-Gvern dan l-aħħar dwar l-ekonomija diġitali.
Iżda jekk kont se tmur tiġri tonfoq il-flus ta’ taħt is-saqqu qabel ma dawn jiġu estinti, l-espert finanzjarju preżenti fil-programm, Paul Bonello, serraħ ras kulħadd li l-flus kontanti hemm kienu u hemm se jibqgħu. 
Huwa qal ukoll li jinsab xettiku għall-aħħar dwar il-bitcoin li skont hu hija “craze tal-mument”. Xebbaħ dan mat-Tulip Mania fis-seklu sbatax fl-Olanda, fejn ħafna nies bdew jinvestu fiha. “Ovvjament it-tulipani ma kinux investiment tajjeb dak iż-żmien, u l-anqas huwa l-Bitcoin illum”.
Bonello qal li s’issa l-Bitcoin huma “flus artifiċjali” li ma huma regolati mill-ebda awtorità u intiżi li ma jkunux regolati mill-ebda awtorità. U allura, għax mhumiex regolati, jistgħu jintużaw għal użu abbużiv. Fil-fatt, huwa qal li għalhekk l-awtorijiet finanzjarji fosthom l-MFSA f’Malta tkellmet bi sfiduċja kbira dwar il-Bitcoins. 
“Il-Bitcoins huma l-favoriti għal min irid juża l-flus mingħajr ma jħalli traċċa ta’ x’għamel”, żied jgħid. 
Bonello sostna wkoll li ma jagħti l-ebda parir lil ħadd biex imisshom bħala investiment għaliex huma volatili għall-aħħar, li tfisser li “l-prezz tagħhom ivarja b’mod enormi minn ġurnata għall-oħra”. 
B’hekk huwa saħaq li l-Bitcoin hija munita artifiċjali għaliex mhix regolata. 
Iżda min-naħa l-oħra, ċempel semmiegħ ieħor li jaħdem f’dan il-qasam li qal li l-Bitcoin hija “munita diġitali u mhux artifiċjali, li għandha valur ta’ madwar €5,000 għal kull Bitcoin”. 
Huwa fakkar li bħalissa f’Malta għaddejja liġi tal-crypto-currency biex tiġi regolarizzata l-munita diġitali. 
L-espert finanzjarju Paul Bonello temm jgħid li “rridu noqogħdu attenti” fuq il-Bitcoin. 
Imma dan il-Bitcoin x’inhu? 
Il-Bitcoin hija forma ta’ munita virtwali, jiġifieri mhix fil-forma fiżika li mdorrijin biha. Wieħed jista’ jakkwista bitcoin billi l-ewwel tiftaħ Bitcoin Wallet permezz ta’ apps onlajn. Il- Bitcoin Wallet qisu app li għandna fil-mowbajl tagħna. Minn hemm imbagħad tixri l-bitcoins mingħand kumpanijji li joffru l-bejgħ ta’ din il-munita. 
Bħalissa kumpaniji kbar bħal WordPress u reddit diġà bdew jaċċettaw ħlas bil-munita Bitcoin.