Veru li l-maġi kienu 12?

  • Kont taf li fl-ewwel żewġ sekli wara Kristu l-Milied ma kienx jiġi ċċelebrat?
  • Ħadd ma jaf il-jum eżatt meta twieled Ġesù, imma kont taf għaliex intgħażel il-25 ta’ Diċembru?
  • Kont taf li fl-1647 il-Parlament Ingliż għadda liġi u ddikjara l-Milied illegali minħabba li l-oriġini tiegħu kienu pagani, u ġew ipprojbiti l-attivitajiet kollha marbutin mal-Milied?
  • Kont taf li fil-Knisja tal-Lvant jemmnu li l-Maġi kienu tnax? Kemm kienu fil-fatt? U veru li kienu rejiet?

Tista’ ssib tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet u ħafna oħrajn fil-ktieb The Story of the Christmas Crib in Malta, li għadu kif ġie ppubblikat minn Horizons. Il-ktieb inkiteb minn Joseph Muscat, membru tal-MUSEUM u wieħed mill-akbar dilettanti u esperti tal-presepju Malti. It-traduzzjoni għall-Ingliż saret minn Louis J. Scerri.

Il-ktieb fih kwantità kbira ta’ ritratti bil-kulur ta’ presepji u pasturi, kemm Maltin kif ukoll barranin. Muscat jagħti dettalji dwar l-għeruq u l-iżvilupp tal-presepju Malti, li fil-fatt jinstabu fil-presepji Rumani, Naplitani u Sqallin.

Il-ktieb jagħti dettalji dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-presepju Ruman, bit-toroq dojoq u s-sqaqien li għadek issib fiż-żona ta’ Trastevere, flimkien ma’ funtani, faċċati Barokki, torrijiet Gotiċi u kwantitajiet ta’ anġli.

Min-naħa l-oħra, il-presepju Naplitan għandu karatteristiċi oħra, speċjalment ir-rovini ta’ bini klassiku kif ukoll xi dverna, b’diversi ikel, annimali u tjur. Is-servi li jakkumpanjaw lill-maġi jitlibbsu ħwejjeġ eżotiċi u kkuluriti. Naturalment, issib ukoll il-cascata, jiġifieri grupp ta’ anġli neżlin mis-sema għal fuq il-Bambin fil-maxtura. Fl-isfond għandek imnejn tara xi xena minn Amalfi jew Sorrento, u mhux mill-Palestina. Għall-ewwel il-presepju Naplitan jista’ jagħtik l-impressjoni ta’ kaos, anki minħabba l-kwantità kbira ta’ pasturi, b’diversi gruppi ta’ pasturi jitħalltu ma’ xulxin, diversi tipi ta’ annimali, frott u ħxejjex, u lbies minn diversi reġjuni Taljani.

L-Isqallin influwenzaw il-presepju Malti

Imma l-akbar influwenza fuq il-presepju Malti kien ċertament dak Sqalli. L-influwenza ta’ Sqallija fuq Malta minħabba l-viċinanza, hija kbira, inkluża l-lingwa, iċ-ċerimonji reliġjużi u d-drawwiet, għalhekk mhux ħaġa kbira li din l-influwenza nfirxet ukoll fil-presepju. Il-presepju Sqalli fih dettalji li jinstabu fil-vanġeli għax juri x-xena tan-natività, ambjent pastorali, xi drabi wkoll iċ-ċirkonċiżjoni ta’ Ġesù, il-maġi, ir-rgħajja, il-massakru tal-innoċenti u l-ħarba lejn l-Eġittu. Il-ktieb jinkludi ritratti ta’ diversi presepji li jinstabu Malta imma li ġew magħmulin Sqallija. Dettall partikolari fil-presepju Sqalli huwa l-Missier Etern fuq il-grotta, ir-raġġi ħerġin minn wara l-maxtura bil-Bamnin, kif ukoll il-ħamiema bħala simbolu tal-Ispirtu s-Santu. Il-pasturi Sqallin jinkludu pasturi bħall-mara anzjana, il-kaċċatur, il-ħassiela, tal-ħaxix, id-daqqaq, l-għassies, il-furnar, is-sajjied, l-għannej, u r-rieqed. L-ilbies tal-pasturi fil-presepji Sqallin jitlibbsu ħwejjeġ fqar.

Dan il-ktieb huwa biċċa xogħol magħmula bl-imħabba: l-imħabba li s-Sur Muscat għandu għall-presepju, speċjalment dak Malti, l-imħabba għall-MUSEUM, imma wkoll l-imħabba għal Ġesù li tiegħu hija l-festa. Il-ktieb fih deskrizzjoni ta’ 73 presepju ta’ ċertu preġju li jinsabu Malta, inkluż dak tal-Monasteru Benedittin fl-Imdina u l-presepju fid-dar ta’ Dun Ġorġ Preca.

Imma l-veru oriġini tal-presepju kien dakinhar meta r-rgħajja marru jgħaġġlu u “sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija fuq maxtura”. F’dawk l-għaxar kelmiet jinsab il-presepju, anzi l-Milied kollu.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Dicembru