“Veru li hemm il-problemi fl-isptar Mater Dei” – Dr Joseph Muscat

Dr Joseph Muscat sostna li huwa veru li hemm il-problemi fl-isptar Mater Dei. Qal li l-Gvern ilu f’postu disa’ xhur u qed idaħħal sens fit-tmexxija u jaċċetta kritika iżda mhux mill-Partit Nazzjonalista għax skont Dr Muscat, il-Gvern preċedenti ħalla diżastru fil-qasam tas-saħħa.

F’intervista fuq l-istazzjon tar-radju One, Dr Joseph Muscat saħaq li hu “konvintissimu mill-programm ta’ ċittadinanza li se jibdel lil Malta b’investiment, tkabbir ekonomiku w’opportunitajiet ta’ xoghol”. Dr Muscat qal li t-taħdidiet mal-Oppożizzjoni jinsabu għaddejjin filwaqt li jista’ jintlaħaq ftehim fuq xi punti.

Il-Prim Ministru sostna li ħadd m’għandu dritt li jaddotta iżda d-dritt hu tat-tifel u t-tifla. Qal li persuna għandha d-dritt li tapplika bl-unika bidla li għandha ssir hi li koppja tal-istess sess għandha dritt li tapplika. Wara s-social workers, l-psikoloġisti u l-professjonisti u l-qorti tiġġudika skont il-każ.

Il-Prim Ministru saħaq li għadu sal-lum il-ġurnata ma jafx il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Unjoni Ċivili.

Dwar l-immigrazzjoni llegali, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta ġabret magħha ħmistax-il pajjiż fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-istess Unjoni Ewropea se tgħin biex mal-elf immigrant li m’għandhomx dritt għall-ażil jintbagħtu lura.