Veru ħadd ma jista’ jieħu post l-omm?

Minn moħħi bħalissa għaddejjin ħsibijiet dwar xi tfisser il-kelma “omm”. Nista’ tikteb ktieb sħiħ u ma jkunx biżżejjed. L-imħabba tal-omm inqabbilha ma’ bir bla qiegħ, bir ta’ mħabba, li jibla’ kull tip ta’ ferħ, dwejjaq, uġigħ u dmugħ u kapaċi jibdel l-imrar f’imħabba. Niftakar fi kliem il-Kardinal Mermillod meta qal: “L-omm kapaċi tieħu l-post ta’ ħafna persuni oħra, iżda ħadd ma’ jista’ jieħu postha.”

X’hawn ikbar u isbaħ milli tnissel ħajja u trabbi iben jew bint! Ħafna jarawha bħala ħaġa diffiċli, u fil-fatt veru, għax din hi l-akbar biċċa xogħol li tista’ tagħmel fil-ħajja. Id-diffikultà hi li t-trabi meta jaslu ma jġibux magħhom manwal bl-istruzzjonijiet kif trabbihom tajjeb.

F’xogħli mal-ġenituri kultant niltaqa’ ma’ min jgħid, “Kemm nixtieq kont naf dan qabel għax għamilt ħafna żbalji!” Tajjeb niddistingwu bejn żball u ħażen. Żball nagħmluh minħabba xi dgħufija jew nuqqas ta’ tagħlim. Ħażen nagħmluh b’mod intenzjonat biex nagħmlu deni lil ħaddieħor. Fil-karriera twila tiegħi veru ftit kienu dawk il-ġenituri li aġixxew b’intenzjoni ħażina fit-trobbija ta’ wliedhom. Żball kulħadd jieħdu, u jista’ jiġi rranġat.

L-istess imħabba li aħna nuru lit-tfal tista’ tpatti għal ħafna mill-iżbalji li nagħmlu. Tfal iżgħar jinsew malajr, u kif tinbidel l-attitudni tal-ġenituri jinbidlu huma, għalkemm iż-żgħażagħ forsi jridu xi ftit aktar żmien biex jibdlu l-attitudnijiet tagħhom. Se nsemmi żewġ affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nevitaw l-iżbalji.

1. Kif qed nikkomunika magħhom? Għajjat u twerżiq jindikaw nuqqas ta’ rispett u ta’ mħabba. Qabel niftħu ħalqna tajjeb naħsbu ftit jekk dak li se ngħidu jkunx ta’ ġid u jekk hux se jesprimi mħabba. Meta tkun irrabjat attent x’tagħmel u x’tgħid għax tiżbalja żgur.

2. Kif qed “ngħallem” lil uliedi? Qed nikkritikahom il-ħin kollu? Qed nitkellem fuqhom b’mod negattiv, qishom qatt ma jagħmlu xejn tajjeb? Jekk iva, allura inweġġagħhom qiegħed mhux ngħallimhom. Uliedna, speċjalment żgħażagħ, mhux lil min jagħmilha tal-għaref għandhom bżonn imma min lest jimxi magħhom u jiggwidahom.

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn. 

Flimkien Cover Gunju