Versi mimlija mħabba; “il-mibegħda tħalluha qatt titrabba”

F’dawn il-jiem mimlija mħabba minħabba Jum San Valentinu, bosta huma dawk li jirrikorru għall-poeżija biex ifissru mħabbithom.

Hekk għamel il-Kavallier Joe M. Attard, u hawn qegħdin naqsmu magħkom il-versi mimlija mħabba tiegħu.

F’Jum San Valentinu

Jgħidu illi Frar imqarqaċ
Xejn mhu ħelu, pjuttost kiefer,
U aħjar toqgħodlu ġewwa
Għax imqit u għandu d-dwiefer!

U għalkemm hu l-iktar qsajjar
Jaf ifawwar anke l-bjar;
Joħloq ħerba fi triqatna
W il-widien jimtlew sax-xfar.

Imma għalkemm dan il-gwaj kollu
Iġib miegħu ġrajjiet sbieħ;
Kien f’daż-żmien li San Pawl tfarrak
U lil ġensna ħabb bi sħiħ.

Tul dax-xahar in-nies titbaħrad,
Titbaħnan fil-Karnival
Għax kif jgħid il-qawl minn tagħna
‘Mhux darbtejn insiru tfal!’

Il-borma fuq tlieta toqgħod –
Il-festa tal-maħbubin
Ma’ Frar tasal, mistennija
Rigal nixtru lil xulxin.

Ja ħanini kemm inħobbok
Kieku taf x’nagħmel għalik
Kieku għandi flus bix-xeba’
Villa sbejħa kont nagħtik!

Fejn tkun tista’ tgħum, tixxemmex
Ġewwa l-isbaħ swimming pool,
L-air condition tgawdi komda
Sakemm għomrok hawn itul!

Imma għalkemm dawn bwieti vojta
Tibqa’ l-mimmi ta’ għajnejja;
Kieku nista’ l-jum kollu
Ma taħrabx minn taħt idejja!

Għax l-imħabba hija l-qofol
Tal-ferħ kollu tal-bnedmin
Tixbah ġnien mimli bil-fjuri –
Friefet, vjoli, ġiżimin!

U għalhekk għeżież qarrejja
Iftħu qalbkom għall-imħabba
Minn darkom barru l-mibegħda
U tħalluha qatt titrabba!

Bit-tajjeb pattu għall-ħsara
Li jagħmlulkom il-bnedmin
Imxu dejjem fuq il-passi
Tal-għażiż Imgħallem divin.

Jiena ċert li b’hekk tħossukom
Dejjem hienja, ferħanin
Bla ma jkollhom dlonk tixxennqu
Għall-festa ta’ Valentin!