Venezja: Proposti multi sa €500 għat-turisti

Is-Sindku ta’ Venezja, Luigi Brugnaro qed jipproponi multi ta’ bejn il-€50 u l-€500 kontra t-turisti li jpoġġu jew jimteddu mal-art. Sa issa ma tistax tpoġġi bilqiegħda fuq it-taraġ tal-monumenti jew taħt l-arkati li jdawru pjazza San Mark.

Il-proposta mistennija tasal għall-vot fil-laqgħa tal-kunsill f’Ottubru, għalkemm mistennija ssib l-oppożizzjoni tal-kunsillieri tal-Moviment Cinque Stelle kif ukoll il-gruppi tar-residenti.

“Hemm lista twila ta’ affarijiet li ma tistax tagħmel f’Venezja li ma jibqa’ xejn x’tista’ tagħmel,” qal Marco Gasparinetti li jmexxi grupp tar-residenti. “Se jkollhom bżonn mal-5,000 uffiċċjal ieħor biex jinfurzaw ir-regoli kollha.”

L-awtoritajiet ta’ Venezja qed jikkunsidraw li jwaqqfu l-mużika fuq id-dgħajjes, li hu l-mod ta’ trasport ewlieni għar-residenti. Sa issa, tista’ titkeċċa mill-belt jekk iġġib ruħek ħażin jekk tixrob jew jekk tgħum jew tniżżel saqajk fil-kanali. Iħarsulek bl-ikrah jekk tiekol waqt li timxi jew tpoġġi fuq it-turġien biex tiekol xi ħaġa.

Kull sajf, grupp ta’ dawk li jissejħu “anġli tad-decorum” iduru ż-żoni turistiċi ewlenin biex jassiguraw li n-nies jimxu mar-regoli. Numru ta’ żoni, lil hinn miċ-ċentri mimlija nies, qegħdin apposta biex in-nies jagħmlu l-picnics, iżda jidher li ftit huma dawk li jafu dwarhom.

Venezja ilha tissielet biex timmaniġja l-industrija tat-turiżmu li ġġib mas-60,000 persuna kuljum, ħafna minnhom jaslu bil-cruiseliners. F’Lulju, il-kap tat-turiżmu fil-belt, Paolo Mar, qal li dawn ir-regoli m’humiex biex jittimbraw xi grupp partikolari ta’ turisti imma biex il-belt tkun rispettata.