Vella m’għamilx ħażin meta tkellem kontra l-abort – eks Prim Imħallef

ECLJ

Read in English.

L-eks Prim Imħallef Vincent De Gaetano qal lil Newsbook.com.mt li l-President George Vella kien sempliċiment qed iżomm mal-liġi meta reċentament għamel diskors kontra l-abort li fih ħa pożizzjoni pubblika kontra l-legalizzazzjoni tal-abort.

L-eks Imħallef tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani qal li ma jara xejn ħażin li l-President jesprimi l-opinjonijiet jew it-tħassib tiegħu fuq għadd ta’ kwistjonijiet kemm jekk ikunu soċjali, edukattivi, ambjentali, u anke politiċi.

 Pożizzjoni ċara kontra l-abort

Il-President Vella bagħat messaġġ ċar kontra l-legalizzazzjoni tal-abort mill-bidu tal-presidenza tiegħu.

Però, wara li Vella indirizza attività ta’ kontra l-abort organizzata mill-Malta Unborn Child Platform fit-2 ta’ Frar, il-koalizzjoni favur l-għażla Voice For Choice kkritikatu. Ikkunsidrat il-messaġġ tiegħu bħala insult lejn dawk kollha li jimpurtahom mid-drittijiet ċivili u mill-ugwaljanza f’Malta.

Waqt ir-rally, Vella iddeskriva l-abort bħala l-qtil ta’ tarbija f’ġuf il-mara. Qal li ma setax jifhem kif kien hemm pajjiżi li kienu qed jikkundannaw il-piena tal-mewt imma mbagħad jaċċettaw “il-piena tal-mewt fuq dawk li ma twieldux”.

Newsbook.com.mt staqsa lil Vincent De Gaetano għall-opinjoni tiegħu wara li saru kummenti li Vella ma kienx qed jaġixxi b’mod korrett meta għamel id-diskors tiegħu.

  • Newsbook: Hemm limiti kostituzzjoniali fuq il-libertà tal-espressjoni tal-president?

De Gaetano: Il-Kostituzzjoni ma tispellix x’jista’ u x’ma jistax jgħid fil-pubbliku l-president.

Il-‘limiti kostituzzjonali’ kif għidt inti fuq il-libertà tal-espressjoni jistgħu jiġu dedotti, b’ċertu ammont ta’ nuqqas ta’ preċiżjoni, mill-irwol tal-president fl-istruttura tal-Kostituzzjoni u t-teorija kostituzzjonali, l-aktar dik Ingliża, dwar l-aġir korrett tal-kap tal-istat.

Ir-regola bażika hi li l-president m’għandux jidħol f’kontroversji tal-politika tal-partiti ħlief biex ikun hemm attentat biex ikun hemm riżoluzzjoni dwarhom.

  • Newsbook: Il-pożizzjoni ta’ Vella kontra l-abort, hija forma ta’ indħil f’kontroversji tal-politika tal-partiti?

De Gaetano: Il-pożizzjoni ta’ Vella kontra l-abort m’għandhiex x’taqsam ma’ dawn il-kontroversji – sa fejn naf kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jaqraw mill-istess ktieb dwar il-mistoqsija dwar l-abort. Huwa kompletament konformi ma’ dak li tgħid il-liġi, li l-abort huwa reat kriminali. Allura l-President sempliċiment qed iżomm mal-liġi, eżatt kif wieħed jistenna li jagħmel f’każijiet ta’ abbuż tad-droga, il-frodi, il-ħasil tal-flus, u oħrajn. Ma nara l-ebda problema li l-president jesprimi l-ħsibijiet tiegħu jew it-tħassib dwar numru ta’ kwistjonijiet – kemm dawk soċjali, edukattivi, ambjentali u anke dawk politiċi.

  • Newsbook: Hi kwistjoni ta’ kuxjenza?

De Gaetano: Il-kwistjoni tal-possibilità ta’ legalizzazzjoni taħt xi pretest jew ieħor tal-abort iqajjem mistoqsijiet important ta’ kuxjenza. Meta esprima l-ħsibijiet tiegħu Vella wera li jekk jaffaċċja liġi li tippermetti l-abort, jippreferi jirreżenja milli jiffirma liġi li tkun qisu qed jiffirma l-ordni tal-qtil ta’ dawk it-trabi kollha li jkunu għadhom ma twieldux. Il-President Vella wera li għalih għallinqas, il-kuxjenza hija importanti. Ta’ dan infaħħru.