Velja għal Daphne wara ġimgħa ta’ kontroversji

Illejla fis-7.00 bħal kull 16 tax-xahar l-attivisti, ħbieb u dawk li jissapportjaw ix-xogħol tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia se jkunu qed jiltaqgħu quddiem il-mafkar fi Pjazza tal-Assedju l-Kbir fil-Belt, filwaqt li jkomplu jitolbu għall-ġustizzja għall-ġurnalista assassinata. Din l-attività qed tiġi organizzata minn Occupy Justice u Manuel Delia u se tkun qed issir wara kważi ġimgħa mimlija kontroversji dwar l-istess mafkar.

Nies mhux magħrufa neħħew il-ritratti tal-ġurnalista, u l-fjuri u x-xemgħat impoġġiha mill-attivisti b’mod repetut. Iżda l-mafkar dejjem reġa’ tpoġġa lura f’postu. Qabel iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Vitorja, il-mafkar tneħħa biex sar xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-monument. L-attivisti reġgħu poġġewh lura iżda reġa’ tneħħa u minflok l-monument spiċċa mdawwar bl-injam minħabba dak li uffiċjament ġie deskritt bħala xogħol ta’ “restawr”.

Ilbieraħ filgħodu Newsbook.com.mt xandar live filmati mill-pjazza tal-Assedju l-Kbir waqt li l-attivisti poġġew strixxun kbir bil-kitba ‘Ġustizzja’ u wiċċ Daphne Caruana Galizia. L-istrixxun tneħħa iżda reġa’ sab postu lura wara ftit siegħat.

Tard filgħaxija, il-ġurnalist indipendenti u blogger Manuel Delia mar il-qorti b’mandat ta’ inbizzjoni kontra l-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici. Il-mandat ġie ffirmat mill-avukati Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Eve Borg Constanzi u kellu s-sapport ta’ iktar minn 60 avukat fosthom l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Il-Maġistrat ma laqax it-talba li saret biex ikun hemm inbizzjoni temporanja.

Billejl grupp ta’ attivisti mhux magħrufa weħlu strixxuni ġodda madwar Malta bil-kitba “Daphne Biċċiet: Delia fl-inkwiet”, “Daphne Biċċiet: Muscat paxxut fil-kwiet”, “Daphne Biċċiet: Il-Kasco jimla’ l-bwiet”.

Il-kelliema għall-velja li se ssir illejla huma Thomas Cassar Ruggier, Jeremy Gingell, Marion Pace Axiaq u Joanna Agius. Il-velja se ssir fis-7.00.