Vawċers ta’ €10 minflok €20 biex l-anzjani weħidhom jużawhom aħjar – GWU

L-Għaqda Pensjonanti tal-General Workers’ Union appellat biex jekk il-Gvern iniedi mill-ġdid l-iskema tal-vawċers, jagħmilhom ta’ €10 u mhux €20.

L-għaqda qalet dan wara li fl-aħħar jiem qam dibattitu dwar jekk il-Gvern għandux iniedi mill-ġdied l-iskema tal-vawċers li ħareġ aktar kmieni din is-sena bħala mod kif jgħin fir-riġenerazzjoni tal-ekonomija fil-pajjiż wara perjodu diffiċli li ġabet magħha l-pandemija tal-coronavirus.

Irrimarkat kif l-anzjani, speċjalment dawk li jgħixu waħedhom, ikunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-vawċers jekk dawn ikunu ta’ €10 minflok. L-għaqda talbet ukoll biex f’każ li jkunu jridu jinġabru mill-ġdid il-vawċers, me jerġax ikun hemm inkonvenjent ieħor għall-anzjani. Appella biex fejn m’hemmx uffiċini tal-MaltaPost, ikunu utilizzati l-uffiċini tal-Kunsilli Lokali.

Intant nhar il-Ħamis li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern mhuwiex kommess li jniedi mill-ġdid l-iskema tal-vawċers fil-baġit li ġej. Abela qal dan waqt intervista mill-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs ta’ Malta, Abigail Mamo, waqt konferenza onlajn bl-isem ta’ ‘Supporting SMEs – The Backbone of Malta’s Future’. Matul l-intervista, Abela faħħar is-suċċess tal-iskema tal-vawċers, u nnota li taħt xi 60% tal-vawċers iġġeneraw l-istess nefqa li għamlu 40,000 turist f’Awwissu tal-2019.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) Paul Abela qal li għandhom jerġgħu jingħataw vawċers ta’ €100. Hu qal dan f’laqgħa li kellu mal-Oppożizzjoni dwar il-baġit.