VaTIS: app li tiffrankalek gzuz ta’ ħin moħli fit-traffiku l-Belt

Tnediet applikazzjoni li biha tkun tista’ tiċċekkja dak il-ħin stess fejn hemm it-traffiku u liema toroq huma magħluqa fil-Belt Valletta.
L-app VaTIS tnediet mill-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, meta lbieraħ żar il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li qed jipprepara għall-Ġimgħa Ewropea tal-Mobiltà li se ssir bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru.
Din hija r-raba’ edizzjoni tal-kompetizzjoni, u dis-sena għandha t-tema “Sharing gets you further”, sabiex jiġi mħeġġeġ li kulħadd jivvjaġġa b’inqas karozzi billi joffri lil ħaddieħor biex jitla’ miegħu jekk ikunu sejrin fl-istess inħawi.
Il-Ministru Borg tkellem dwar proġetti ffinanzjati mill-ministeru u Transport Malta, u ħeġġeġ biex aktar kunsilli lokali jibagħtu l-proġetti tagħhom sabiex jibbenefikaw.
Fost il-Kunsilli li approfittaw minn din l-inizjattiva, Borg semma dawk tal-Belt Valletta, Bormla, Ħal Qormi, Raħal Ġdid, Għajnsielem u San Pawl il-Baħar.
L-app ġiet żviluppata bil-kollaborazzjoni tal-Istitut dwar il-Bdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Università ta’ Malta.
Ritratt: Arkivji