“La kienet fil-manifest elettorali trid tiġi segwita l-linja tal-partit” – Whip PL

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Byron Camilleri, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ebda Deputat tal-Gvern, la qabel l-elezzjoni u lanqas wara, ma wera riżervi mal-Prim Ministru dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ.
Mistoqsi jekk il-Partit Laburista kkontemplax li jagħti vot ħieles lid-Deputati tiegħu, Camilleri qal li l-Liġi taż-Żwieġ kienet parti ewlenija mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista u għalhekk “trid tiġi segwita l-linja tal-partit.”
Wara li Edwin Vassallo vvota konta l-abbozz wara t-Tieni Qari fil-Parlament, qamet kontroversja sħiħa fuq il-midja soċjali, b’ħafna jargumentaw għaliex il-Partit Nazzjonalista mhux se jagħti l-vot ħieles. Iżda kien hemm oħrajn li qalu li l-attenzjoni qed iddur wisq fuq il-PN u staqsew għaliex il-Partit Laburista mhux se jagħti l-vot ħieles lid-Deputati tiegħu.
Il-Whip Laburista ma weġibx għal mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk jaħsibx li d-Deputati għandhom jingħataw aktar ċans li jivvutaw skont il-kuxjenza u fuq liema kwistjonijiet għandu jingħata l-vot ħieles.
Vassallo u Cutajar ma jridux jikkumentaw
Intant, aktar kmieni, Id-Deputati Nazzjonalisti Edwin Vassallo u Robert Cutajar irrifjutaw li jikkummentaw dwar kif se jivvutaw għada meta jittieħed l-aħħar vot dwar l-abbozz li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħra.
Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, wara li l-ġimgħa l-oħra qal li se jżomm mal-valuri tiegħu u se jivvota skont il-kuxjenza, Edwin Vassallo rrifjuta li jikkummenta.
Fi ftit kliem, Vassallo qal li dan hu żmien ta’ riflessjoni u “bħalissa ftit tas-skiet jagħmel aktar ġid.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Robert Cutajar, illum ipprefera li ma jikkummenta xejn, minkejja li l-ġimgħa li għaddiet qal ma’ Newsbook.com.mt li se jistenna l-eżitu tal-Kumitat Parlamentari u l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, nhar il-Ġimgħa li għadda.
Il-ġimgħa li għaddiet, Edwin Vassallo vvota kontra l-abbozz ta’ liġi kif imressaq mill-Gvern minkejja li l-Oppożizzjoni iddikjarat li se tivvota favur. Huwa insista li l-kontenut tal-liġi ma jaqbilx mal-għan tagħha.
Robert Cutajar kien ivvota mal-Oppożizzjoni, imma aktar qabel kien iddikjara fil-Parlament li mhux jintrabat li jagħmel l-istess fil-vot finali ta’ għada, jekk il-Gvern ma jagħtix widen għall-emendi li ressqet l-Oppożizzjoni.
Aktar tard fl-istess ġimgħa, ma’ Newsbook.com.mt, Edwin Vassallo kien qal li l-vot ta’ għada huwa f’idu u insista li hu “Nisrani qabel hu Nazzjonalist.”
Mistoqsi dwar jekk il-Partit Nazzjonalista hux se jieħu passi dixxiplinari fil-konfront tiegħu, Vassallo kien qal li minflok jara għaliex hu vvota kontra, il-PN irid jistaqsi lilu nnifsu għax ma tax vot ħieles lid-Deputati tiegħu.
Wara dawn il-kummenti qamet kontroversja sħiħa, min jaqbel u min ma jaqbilx. Ikkummenta anke l-eks-Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, li qal li jekk il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista qed jibżgħu jagħtu vot ħieles fuq din il-kwistjoni, “pajjiżna sar il-Korea ta’ Fuq.”