Vassallo jsejjaħ lil DCG pilastru politiku ta’ korrettezza

Il-kandidat għal Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Edwin Vassallo, qal li jemmen li Daphne Caruana Galizia kienet pilastru politiku ta’ korrettezza.
Vassallo kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet il-Bidnija, qrib l-inħawi ta’ fejn seħħ id-delitt, meta qal li l-ġurnalista kienet temmen u tistqarr dak li għaliha kien is-sewwa, u dak li kienet tikteb kienet issostnih b’impenn personali.
Kompla jgħid li jixtieq jivvnedika ruħu minn dal-qtil, u dan se jagħmlu billi jippromwovi l-valuri tas-sewwa u dawk umani, għax żied jgħid li issa jħossu aktar determinat li jservi bħala sinjal ta’ tama għall-politika tas-sewwa.
Irrimarka wkoll li bħala politiku jħossu fid-dmir li jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li ġara, u wiegħed li jekk jikseb il-fiduċja tat-tesserati, minn kliem ta’ sentiment jgħaddi għall-azzjoni .
Temm jgħid li proprju għax ma jridx ikun politiku populista iżda wieħed li jżomm mal-prinċipji tiegħu li ma jista’ jaqbel qatt li xi ħadd jiġi ċċumbat sempliċiment għax jitkellem u jgħid dak li jħoss.