Varat pjan għas-sostenibbiltà minn Yachting Malta

Ritratt: Kevin Abela / DOI

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna varaw pjan għas-sostenibbiltà mifrux fuq tliet snin imħejji minn Yachting Malta. L-għan ta’ dan il-pjan huwa biex fis-settur tal-yachting jibdew jintużaw prattiċi differenti favur settur aktar sostenibbli u viċin tal-ambjent.

Il-Ministru Ian Borg qal li “s-settur marittimu Malti dejjem ikun minn ta’ quddiem nett biex jaħdem favur miżuri ambjentali. Is-saħħa tal-ibħra tagħna hija prijorità għalina u sodisfatt li Yachting Malta qed tieħu l-inizjattiva biex tikkatalizza bidla pożittiva favur aktar sostenibbiltà. Ilkoll nafu li l-użu tal-plastik, speċjalment f’affarijiet li jintużaw darba biss, huwa fost l-akbar problemi għall-oċeani tagħna. Inħares ‘il quddiem biex nara l-proposti differenti jidħlu fis-seħħ matul dawn is-snin, u nħeġġeġ lill-pubbliku u lil kull min jopera f’din l-industrija u kwalunkwe industrija oħra li tmiss mal-baħar biex huma wkoll jagħmlu dawn il-bidliet pożittivi.”

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li, “huwa pjaċir tiegħi li nattendi għall-ftuħ tal-estensjoni l-ġdida ta’ Birżebbugia Sailing Club kif ukoll it-tnedija ta’ din l-inizjattiva ta’ Yachting Malta. Inizjattiva żgħira però li tfisser ħafna għaliex barra li dawn il-klabbs qed jgħallmu dan l-isport tal-ibburdjar lil ħafna tfal u żgħażagħ, qed joħolqu kuxjenza dwar l-ambjent.” Il-Ministru Scicluna kompla billi qal li l-industrija tal-ibburdjar hija mportanti wkoll ekonomikament għaliex taffetwa ħafna impjiegi u snajjiet diversi u kif ukoll tattira ħafna turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna. Huwa importanti li f’pajjiżna ninċentivaw dan is-settur għaliex barra li jagħti pjaċir lil ħafna familji, jgħin lill-ekonomija timxi ‘l quddiem.

Fost miżuri oħra, il-Pjan għas-Sostenibbiltà jinkludi l-eliminazzjoni ta’ materjali ta’ plastik li jintużaw darba biss mill-attivitajiet tal-yachting, tnaqqis fl-użu tal-karti, materjali promozzjonali li għandhom użu u li huma magħmulna minn materjali riċiklati, tabelli u sinjali b’materjali sostenibbli u eliminazzjoni ta’ bżieżaq u konfetti tal-plastik waqt l-attivitajiet.

Ritratt: Kevin Abela / DOI

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.