Varat fond għas-sigurtà interna ta’ €100 miljun

Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech vara l-Fond Ewropew għas-Sigurtà Interna f’Malta, li se jkollu €75 miljun f’fondi Ewropej u li magħhom Malta se żżid €25 miljun.
Dan il-fond se jkun allokat għall-2014 u l-2020 u se jkollu żewġ użi partikolari, bħala għodda primarja biex jgħin lill-Pulizija fl-isforzi biex tiġi miġġielda l-kriminalità, u biex jgħin fil-protezzjoni tal-fruntieri u l-kontroll tal-viża.
Entitajiet konċernati jistgħu japplikaw għall-fondi biex ikunu implimentati dawn l-inizjattivi, li jinkludu x-xiri ta’ dgħajsa ġdida għas-sorveljanza, it-tkomplija tal-programm kofinanzjarju biex jinxtara ħelikopter ieħor, l-akkwist ta’ sorveljanza għall-Pulizija, l-akkwist ta’ aktar tagħmir tas-sejbien tal-esplussivi u riċerka fil-kriminalità organizzata fil-qasam tat-traffikar tan-nies u l-immigrazzjoni.  
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech saħaq li dan l-fond qed jara l-bidu tiegħu f’mument li juri kemm hawn bżonn li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jsaħħu s-sigurtà interna.
Huwa esprima solidarjetà mal-poplu Franċiz wara l-attakki f’Pariġi.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li għall-ewwel darba pajjiżna għandu pjan strateġiku intern għas-sigurtà tal-pajjiż.
Fakkar li l-programm kellu somma ferm inqas mill-€75 miljun u li din żdiedet bl-intervent tal-Gvern u wara l-approvazzjoni għat-talba ta’ €12-il miljun li se jmorru għax-xiri tat-tielet ajruplan. 

Ritratt: DOI – Cloudagh Farrugia O'Neill