Vapuri aktar imbaċċa fl-aħħar kwart tas-sena

Il-perċentwal ta’ passiġġiera li qasmu l-fliegu bejn Ottubru u Diċembru żdied bi ftit aktar minn 8% mis-sena ta’ qabel fl-istess perjodu, minkejja li l-vjaġġi ’l hemm u ’l hawn naqsu.
B’kollox fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra qasmu bejn Malta u Għawdex ftit aktar minn miljun u 250,000 persuna.
Dawn in-numri ħarġu mill-aħħar statistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li turi li kien hemm total ta’ 5,438 vjaġġ, jiġifieri tnaqqis ta’ 0.9% mill-2016.
Jidher ukoll li l-aktar xahar li fih il-Gozo Channel kien imħabbat hu Ottubru, għax f’xahar saru 36.1% tal-vjaġġi kollha fi tliet xhur, jiġifieri 1,964.
Tul is-sena
L-NSO jgħid li b’mod ġenerali fl-2017 ċ-ċaqliq bejn iż-żewġ gżejjer żdied.
Il-vjaġġi żdiedu b’0.6%, il-vetturi b’5.8% għal kważi 85,000, u l-passiġġieri żdiedu b’aktar minn 250,000, jiġifieri 4.9% fuq is-sena ta’ qabel.
Awwissu żamm ir-rekord, meta baqa’ l-aktar xahar popolari, u l-aktar jumejn imħabbta għaċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt, filwaqt li għall-Imġarr f’Għawdex is-Sibt u l-Ħadd